Wednesday, October 9, 2024

“Kif ħriġt mill-koma kont determinat li nirkupra u sodisfatt li rnexxieli”

Matteo Grima; Kowċ fin-nursery ta’ Mtarfa FC

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Niftakar kien għadna fil-bidu tal-pandemija. Bħala student kont nirrilassa meta kien ikollna t-taħriġ u meta minħabba l-pandemija kellna nieqfu kont għażilt li nibqa’ attiv. Kienet ħaġa normali li mmur niġri u normalment kont inżomm l-istess triq. Madwar sentejn ilu kont involut f’inċident stradali li kellu konsegwenzi koroh. Għamilt 12-il jum f’koma minn meta ttajjart f’Ħad-Dingli u meta ġejt f’sensija kelli triq twila quddiemi.

Niftakar l-espressjoni fuq wiċċ dawk l-aktar għeżież għalija li baqgħu maġenbi lejl u nhar jittamaw li jaraw moviment min-naħa tiegħi. Minn hemm beda l-vjaġġ tiegħi fejn prattikament inħossni li twelidt mill-ġdid. Kelli nitgħallem kollox u kelli anke problemi biex nikkomunika. 

Niftakar sew is-sessjonijiet ta’ fiżjoterapija meta saħansitra tarġa kienet saret ostaklu li kelli negħleb. It-tobba kienu gwidawni tajjeb ħafna u m’għandix kliem biex nirringrazzjahom, iżda kienu wkoll fetħuli għajnejja li t-triq ma kinitx faċli jekk ma nagħtix il-200 fil-mija. Bażikament huma riedu jfissru li jekk jien inċedi, ħajti kienet tieqaf dakinhar tal-inċident. 

Jiena dak it-tip ta’ bniedem li l-isfidi lejn xi ħaġa sabiħa naħdem għalihom bil-massimu u minbarra l-fiżjoterapija, anke jekk b’diffikultà, kont nipprattika anke waħdi dak li nkunu għamilna. It-tarġa tlajtha, erġajt bdejt nikteb u fi ftit ġimgħat irritornajt għall-ġirjiet li tant kienu jgħinuni biex nirrilassa.

F’dan il-proċess kont tlift xi xhur mill-kors tal-periti li kont qiegħed nattendi għalih, iżda minkejja li kien ġej is-sajf għamilt is-sagrifiċċji li kien hemm bżonn biex nirkupra dak li kont tlift. Sa ċertu punt inħossni fortunat immens li mentalment bqajt b’saħħti u ma tliftx mill-memorja tiegħi għax kieku dik kienet tkun problema biex inkompli l-kors.

Sfortunatament naf li jien m’iniex uniku f’sitwazzjonijiet simili u li llum qegħdin nisimgħu ħafna każi ta’ inċidenti rrapurtati fil-midja. Għalkemm kelli ħolma li nżid fil-karriera tiegħi bħala plejer, meta qomt mill-koma kont naf li ma stajtx inkompli f’dik id-direzzjoni. Minkejja dan, bis-sapport tal-kumitat ta’ Mtarfa FC bħal ingħalaq bieb u nfetaħ ieħor hekk kif illum qiegħed niċċelebra l-ewwel sena tiegħi fil-kowċing man-nursery tal-klabb. 

L-agħar ħaġa li tista’ tagħmel persuna li ssib ruħha f’diffikultà hija li taqta’ qalbha. Kieku jien bżajt mid-diskors tat-tobba li qaluli li mhux se tkun triq faċli, kieku min jaf x’sar minni. Il-kuraġġ u d-determinazzjoni kienu l-aħjar mediċina f’dan il-vjaġġ biex nirkupra saħħti”.

Sport