Statistica li tkexkxet. Fis-sena 2021 il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea nefq u €183 biljun f’armamenti. Fis-sena ta’ wara 2022 nefu €245 biljun. Fis-sena li segwiet in-nefqa’ telgħet għal €281.9 u s-sena li għaddiet in-nefqa tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea f’armamenti kienet ta’ €408.1 biljun. Ma’ dan issa hu magħruf kif il-baġit militari tal-Unjoni Ewropea se jiżdied b’400 fil-mija. Minn €12-il biljun fis-sean 2014, dan tela għal €28 biljun fis-sena 2021 u issa hu propost li għas-sena 2028 in-nefqa tkun ta’ €131 biljun.
L-iskuża li qegħdin iġibu hi dik ta’ riskju ta’ theddida. Din hi żieda fl-ispiża li għaliha se jkollu jagħmel tajjeb iċ-ċittadin Ewropew. Se jkun hu li se jiffinanzja dan, b’mod jew b’ieħor. Inutli jgħidulna li se jġibu fondi minn tassazzjoni fuq kumpaniji u korporazzjoni kbar, mis-sigaretti u minn skart teknoloġiku. Il-punt jibqa’ li wara li tidħol din it-tassazzjoni il-piż fuq min se jintefa’? L-istorja nafuha – il-piż dejjem jintefa’ fuq iċ-ċittadin. Inutli l-Kummissjoni Ewropea tipprova tpingi s-sitwazzjoni differenti. Ir-realtà hi dik li finalment il-piż dejjem iġorru ċ-ċittadin.
Għandna sitwazzjoni fejn l-Unjoni Ewropea ilha issa snin tgħin militarment u finanzjarjament lill-Ukrajna. Ilha snin tgħinha biex tirreżisti lir-Russja.
Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li għalih twaqqfet l-Unjoni Ewropea, jiġifieri dak li ma jerġgħax ikun hemm gwerra oħra fl-Ewropa. Dak kien l-għan li għalih twaqqfet l-Unjoni Ewropea. Illum il-paċi fl-Ewropa jidher li twarrbet għal kollox. In-narrattiva li qegħdin nisimgħu llum hi ta’ theddid, li hemm bżonn tarma lilha nfisha u tonfoq aktar f’armi. U meta tisma’ dan ma tistax ma tistaqsix imma possibbli l-politiċi u l-burokratiċi Ewropej mhux jindunaw li l-Ewropa paċi għandha bżonn u mhux gwerer.
X’sens jagħmel, metą għandek pajjiżi diġa qegħdin idaħħlu miżuri ta’ awsterità f’pajjiżhom, li jiġi propost li n-nefqa militari tiżdied u tiżdied b’mod qawwi? Saru tentattivi għall-paċi, fil-kunflitti li hawn madwar id-dinja imma kollha fallew. U ma tistax ma tistaqsix, għaliex fallew? Hemm min għandu interess li tali kunflitti jitkomplew? Hemm min qiegħed igawdi u jagħmel il-profitti minn dak li għaddej? Possibbli ma’ tgħallimna xejn mill-istorja? Ma tgħallimna xejn minn dak li seħħ fit-Tieni Gwerra Dinjija?
Nemmnu li l-interess tal-Istati Uniti kien dak li ma joħroġ ebda rebbieħ minn dan il-kunflitt għall-inqas fl-immedjat. L-Unjoni Ewropea riedet rebħa Ukrena. Il-mod kif ittawwal il-kunflitt ħoloq pressjonijiet finanzjarji fuq il-pajjiżi u anke pressjonijiet miċ-ċittadini.
Illum għandna sitwazzjojni ta’ Ukrajna li tinsab f’pożizzjoni dgħajfa. Hu fatt li l-Ukrajna setgħet tirreżisti l-invażjoni Russa bl-għajnuna ta’ armamenti mill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea. Illum kulħadd hu konxju li l-Ukrajna ma tistax tirbaħ din il-gwerra. Tista’ biss tirreżisti. Il-mistoqsija imma hi kemm se ddum tirreżisti? Kemm se jdumu jiġu ppumpjati flejjes? Kemm se jdumu jintbagħtu armamenti li l-vittmi tagħhom huma nies ċivili? Meta se tifhem l-Unjoni Ewropea li s-soluzzjoni hi li tagħti spazju ġenwin biex isseħħ il-paċi.
Meta se tifhem l-Unjoni Ewropea li mhux fl-interess tal-istess Unjoni Ewropea u taċ-ċittadini tagħha li ngħinu naħa biex intawwlu gwerra? Meta se tifhem li fi gwerra m’hemmx rebbieħa imma telliefa biss? Meta se tifhem l-Unjoni Ewropea li l-fatt li ttawlet il-gwerra wasslet għal telf ta’ ħajjiet innoċenti?
