L-NCPE tħeġġeġ lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni biex jagħtu prijorità lit-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) tħeġġeġ lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni biex jagħtu prijorità lill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza (l-NHREC), billi, fil-ġimgħat li ġejjin, jikkonkludu d-diskussjonijiet dwar din il-liġi tant meħtieġa, sabiex din tkun tista’ tingħata prijorità meta l-Parlament jerġa’ jiltaqa’ wara l-waqfa tas-sajf.

It-twaqqif ta’ Kummissjoni indipendenti li tieħu post l-NCPE, flimkien mat-tisħiħ tal-qafas Malti dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza, huwa suġġett li ilu jiġi diskuss għal dawn l-aħħar 12-il sena. Għaldaqstant, il-fatt li l-Parlament naqas milli jipproċedi bl-Abbozz ta’ Liġi li jistabbilixxi l-NHREC aktar kmieni din is-sena kien diżappunt kbir u opportunità mitlufa biex jissaħħaħ l-aċċess tan-nies għad-drittijiet tagħhom.

L-Abbozz ta’ Liġi li kien quddiem il-Parlament kien se jistabbilixxi l-NHREC bħala Kummissjoni indipendenti li tkun responsabbiltà tal-Parlament, b’funzjonijiet u setgħat biex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza u biex tinvestiga meta jinkisru dawn id-drittijiet. Dan l-Abbozz ta’ Liġi kien se jintroduċi wkoll qafas tal-ugwaljanza aktar ċar u b’saħħtu, bil-għan li jindirizza n-nuqqasijiet li hemm fil-liġijiet attwali ta’ Malta dwar l-ugwaljanza.

Malta għadha mingħajr kummissjoni ddedikata għad-drittijiet tal-bniedem li jkollha l-kompitu li tissorvelja u tippromwovi dawn id-drittijiet. Barra minn hekk, il-qafas legali attwali li jirregola l-NCPE u l-liġijiet eżistenti kontra d-diskriminazzjoni fihom diversi nuqqasijiet u ma jissodisfawx id-Direttivi tal-UE dwar l-Istandards għall-Korpi tal-Ugwaljanza, li kellhom jiġu trasposti sa Ġunju ta’ din is-sena.

L-NCPE rat li l-Oppożizzjoni bdiet proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-Kummissjoni Nazzjonali proposta għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza. Filwaqt li tilqa’ l-kontribut tal-partijiet interessati għall-iżvilupp ta’ din il-liġi importanti, tenfasizza wkoll il-ħtieġa li kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni jiżguraw li l-proċess parlamentari jimxi ‘l quddiem u li din il-liġi tiġi finalment approvata mingħajr aktar dewmien.

It-twaqqif ta’ Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza indipendenti u effettiva ilu żmien twil mistenni. Malta teħtieġ qafas istituzzjonali b’saħħtu li jkun kapaċi jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza, u li jiżgura li kulħadd ikollu aċċess effettiv għad-drittijiet tiegħu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport