Hekk kif komplew l-investigazzjonijiet mill-Pulizija dwar is-sejba ta’ droga b’ammont ta’ 146kg fil-Freeport, aktar kmieni dalgħodu tressaq it-tielet raġel il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ.
Kurt Scicluna ta’ 31 sena residenti ż-Żejtun u li fil-Qorti qal li jaħdem bħala kok, wieġeb mhux ħati għal numru ta’ akkużi fosthom bi traffikar tad-droga, li assoċċa ruħu ma’ organizzazzjoni kriminali, b’ħasil ta’ flus u anke li hu riċediv.
Hu tressaq wara li l-Pulizija komplew bl-investigazzjonijiet tagħhom li waslu biex jinħarġu akkużi għat-tielet persuni. Il-Pulizija ddeskriviet lil Scicluna “bħala wieħed mill-persuni nvoluti f’network ta’ kriminalità organizzata fil-pajjiż.”
Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex jiġu ffriżati l-assi tal-akkużat liema talba ġiet milqugħa. Id-difiża ma kkontestax l-arrest ta’ Scicluna filwaqt li ma għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
L-Ispetturi Mark Mercieca u Lianne Bonello flimkien mal-avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri li qed jirrappreżentaw lill-Avukat Ġenerali mexxew il-Prosekuzzjoni.
L-akkużat kellu lill-avukati Roberto Spiteri u Michael Sciriha jiddefenduh.