Thursday, April 25, 2024

Kok rinomat madwar id-dinja jieħu f’idejh ristorant fil-Belt Valletta

Jisħaq li klijent sodisfatt jista’ jkun l-aħjar mod biex tagħmel qabża fil-karriera

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew l-ION Harbour fil-Belt Valletta ta merħba lill-kok rinomat madwar id-dinja kollha, Simon Rogan. Dan tal-aħħar m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni hekk kif rebaħ bosta unuri kulinarji f’pajjiżu u anke mil-lat internazzjonali.

Rogan għandu total ta’ tmien ristoranti oħra f’ismu fir-Renju Unit u Hong Kong fosthom wieħed f’Lake District bl-isem ta’ L’Enclume li fih għandu tliet stilel Michelin, ħames AA Rosettes filwaqt li hu ristorant ewlieni fir-rivista Good Food Guide.

Rogan se jkun qed jieħu r-ristorant ION Harbour li jinsab fil-belt kapitali Maltija u hu wera entużjażmu kbir għal din l-opportunita’.
Għal din l-okkażjoni se jkun hemm menus varjati mill-Ħamis 23 ta’ Marzu 2023 li huma ideali għal xi business meetings jew għal min jixtieq imur jiekol xi ħaġa fil-Belt Valletta. 

Se jkun hemm ukoll it-tim tas-sommelier li se jkunu qed jieħdu ħsieb li jipproduċu xarbiet kemm alkoħoliċi kif ukoll mhux alkoħoliċi sabiex iż-żmien li wieħed iqatta’ fir-ristorant ikun wieħed li jkun memorabbli. 
ION Harbour, li qabel kien immexxi mill-kok Alex Dilling jinsab fil-parti ta’ fuq tal-Lukanda Iniala Harbour House li għandha ħames stilel b’veduti mill-isbaħ tal-Port il-Kbir. 

Ir-ristorant se jkun immexxi mill-manager James Christie u mill-assistenta tiegħu Melissa Sambugaro bil-kok ewlieni Oli Marlow u Eoin Smith.

Kollox beda minn taħlita ta’ ingredjenti minn età żgħira
F’intervista ma’ dan il-ġurnal, Simon Rogan esprima s-sodisfazzjon tiegħu li wasal biex jieħu f’idejh dan ir-ristorant rinomat. Qalilna li kollox beda minn ċkunitu. Missieru kien ibigħ il-frott u l-ħaxix fis-suq tal-belt fejn kienu jgħixu.

“Niftakar ir-riħa tal-frott u l-ħaxix frisk, dak il-makkinarju li kien iġorrhom u anke l-klijenti tiegħu. Kollox beda minn hemm”, beda biex jgħid magħna Rogan.
M’għaddiex wisq żmien biex beda jesperimenta bit-tisjir u fost l-ewwel ingredjenti li l-aktar li kien jinkludi qalilna li hemm il-basal u t-tewm li skontu huma l-bażi ta’ kollox. Wara daħlu ingredjenti oħra sakemm illum iħares lura u jqis dak iż-żmien bħala fażi ferm importanti u li minnha tgħallem ħafna.

Rigward il-ftuħ tar-ristorant L’Enclume fl-2002, huwa qalilna li kien jiffoka fuq t-togħma u kellu għatx kbir biex joħloq platti ġodda. Ried li jibni ristorant li kien intrinsikament konness mal-ingredjenti użati fil-platti tiegħu. Madankollu, fejn kien jgħix fl-Ingilterra kien hemm u sa ċertu punt iħoss li għad hemm nuqqas ta’ ingredjenti ta’ kwalità disponibbli. Minħabba dik ir-raġuni huwa biddel il-ħsieb tiegħu u ddeċieda li kellu bżonn jagħmel l-aħjar li seta’ b’dak li seta’ jakkwista lokalment.

Wara s-suċċessi tiegħu hemm tim ta’ nies li jistinkaw skont l-ideat tiegħu
Mistoqsi rigward is-suċċessi tiegħu, anke minħabba li llum għandu diversi stabbilimenti jagħjtu lilu, huwa qalilna li warajh hemm tim kbir li jiġbed ħabel wieħed skont il-pjanijiet tiegħu.

Fost il-ħafna unuri li rebaħ Simon Rogan, l-iktar wieħed li jiftakar kien dak meta kien għadu żgħir u beda jesperimenta. Dan kien l-unur li rebaħ f’pajjiżu stess bl-isem ta’ Young Talented Chef li jgħożżu ħafna u jgħid li kien il-bidu tal-karriera tiegħu li xprunah biex ikompli jitjieb f’dak li jagħmel.

Skontu biex ikla tkun verament tajba jrid ikollok mhux biss ingredjenti tajbin u meqjusa iżda wkoll kok tajjeb. Dan tal-aħħar jagħmel id-differenza kollha fit-togħma u l-kwalità li toħroġ. Il-kok għandu ħiliet li huma importanti biex eventwalment il-klijenti joħorġu sodisfatti b’dak li jipprovdilhom. Imbagħad l-istess klijenti jmexxu l-kelma u b’hekk jerġgħu jiġu u magħhom klijenti ġodda.

Iħares lejn futur sabiħ fl-industrija
Rogan sostna li mal-ewwel sar iħobb il-gżejjer Maltin minħabba l-klima sabiħa li hawn u bin-nies li wrewh ospitalità kbira lejh. Dwar il-futur tiegħu, Rogan qalilna li dan jidher ferm sabiħ speċjalment f’dawn l-għaxar snin li ġejjin.

“Nemmen li se jkolli futur intensiv b’dawn ir-ristoranti kollha u minkejja li se jkolli ħafna x’nagħmel, se jkolli ħafna sodisfazzjon. Jien dejjem se ntejjeb il-platti tiegħi, nipprova noħroġ menus ġodda u innovattivi sabiex il-klijenti jkompli jkollhom varjeta’ sabiħa ta’ ikel u anke xorb”, żied jgħidilna.

F’messaġġ aħħari lis-segwaċi tagħna l-kok qalilna li s-sigiret għal dawk li jixtiequ jibdew karriera f’dan il-qasam huwa li jieħdu l-ħin tagħhom u jaraw li jkunu jifilħu għall-pass li jkunu ddeċidew li jagħmlu.

“Aħdmu f’tim ta’ nies li jridu l-ġid komuni. L-għaqda ġġib is-saħħa u dan nemmen ħafna fih għax nemmen li hu s-suċċess finali ta’ dak li sirt illum. L-industrija kulinarja tagħtik ħafna sodisfazzjon, finanzjarjament tkun stabbli jekk taqbad sew filwaqt l-impenn hu dejjem li l-klijent ikun sodisfatt sabiex darb’oħra jerġa’ jiġi”, temm jgħidilna.
 

Sport