Saturday, May 3, 2025

Konklavi- Ktieb ġdid ta’ Robert Aloisio

Aqra wkoll

Wara li nhar it-Tnejn 21 ta’ April 2025, l-għada tal-Għid, il-Papa Franġisku, reġa’ lura f’dar il-Missier u ħamest ijiem wara sar il-funeral tiegħu, il-Kardinali bdew iħejju għall-Konklavi biex jeleġġu l-267 Papa tal-Knisja Kattolika. Għal din l-okkażjoni jiena qed noħroġ ktieb ġdid bl-isem “Konklavi”, pubblikazzjoni Sayit li se jkun distribwit ukoll mill-BDL u jista’ jinxtara fost l-oħrajn mil-Librerija Preca l-Blata l-Bajda.

Wara li tliet snin ilu ħriġt ktieb fuq l-aħħar seba’ Papiet li kellha l-Knisja, issa f’dan il-ktieb qiegħed nagħti ħarsa lejn l-aħħar seba’ konklavi li kellha l-Knisja Kattolika fi kważi tmenin sena ta’ storja. L-iskop tal-ktieb huwa wkoll li jwieġeb ukoll għal xi mistoqsijiet marbuta mal-Konklavi, anke minħabba s-segretezza, is-simboli u s-sens ta’ misteru marbuta ma’ dan l-avveniment, bl-iskop li forsi nneħħu xi ftit ukoll mill-miti u l-ideat żbaljati li wieħed jista’ jkollu. 

Il-Konklavi jibdew minn nhar l-Erbgħa li ġej

Il-Malti għandu qawl skjett li jgħid: “Imut Papa u jagħmlu ieħor”. U tassew hekk hu. Il-Papa kien dejjem konxju ta’ dan. Kif jgħid Franġisku nnifsu fil-ktieb tiegħu “Hope” (2025): “Il-Knisja dejjem għandha futur… Il-Knisja se timxi ’l quddiem. Fl-istorja tagħha jiena miniex ħlief pass wieħed.” Franġisku kien biss il-266 pass f’din il-mixja li s’issa ilha għaddejja elfejn sena. Kif jgħid hu wkoll, “Ħaġa kurjuża: il-Knisja għandha għeruq fil-passat, fi Kristu ħaj, ħaj fi żmienu, fil-Qawmien tiegħu, u għeruq fil-futur, il-wegħda ta’ Kristu li jibqa’ magħna sal-aħħar taż-żmien sekli. U f’din il-wegħda jinsab il-futur tal-Knisja.”

Il-Konklavi huwa l-proċess li bih il-Kulleġġ tal-Kardinali tal-Knisja Kattolika jeleġġi Papa ġdid wara l-mewt jew ir-riżenja ta’ Papa. Huwa wieħed mill-eqdem u mill-aktar proċessi elettorali solenni li għadu jitħaddem sal-lum. Hija ġrajja ta’ importanza kbira mhux biss għall-Knisja Kattolika imma għad-dinja kollha. Minkejja li mis-seklu dsatax ’l hawn il-Knisja tilfet ħafna mill-poter politiku li kellha iżda l-gwida morali tagħha għadha tispira lil bosta. U dan minkejja d-diversi skandli li heżżewha tul is-snin. Il-Papa għadu figura rilevanti fid-dinja tal-lum.

Il-Kardinali diġà nġabru f’Ruma, u qegħdin fid-Domus Sanctae Marthae, maġenb il-Bażilika ta’ San Pietru. Il-Kongregazzjonijiet Ġenerali tal-kardinali (inklużi dawk ‘il fuq minn 80, li mhux se jivvutaw) qegħdin jiddiskutu l-istat tal-Knisja u l-kwalitajiet meħtieġa fil-Papa l-ġdid. Fit-28 ta’ April, jumejn wara l-funeral tal-Papa Franġisku, huma stabilixxew id-data tal-ftuħ tal-konklavi għal nhar l-Erbgħa li ġej, 7 ta’ Mejju.

Il-Ftuħ tal-Konklavi tas-7 ta’ Mejju 2025

Mill-252 membru tal-Kulleġġ tal-Kardinali kif kien jinsab meta miet Papa Franġisku, 135 kardinali elettur huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-konklavi ta’ Mejju 2025 – minkejja l-massimu ta’ 120 elettur speċifikat fl-Universi Dominici Gregis (1996). Żewġ Kardinali mhux se jattendu għall-Konklavi minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Dan ħabbru l-kelliem tas-Sala Stampa tas-Santa Sede, Matteo Bruni, waqt briefing mal-ġurnalisti fid-29 ta’ April. Biex jiġi elett Papa, kandidat jeħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi. Jekk se jipparteċipaw 133, kandidat ikun jeħtieġ 89 vot biex jiġi elett.

Il-Konklavi li se jibda nhar l-Erbgħa, fl-4.30 p.m., bid-dħul tal-kardinali eletturi fil-Konklavi u l-ġurament għall-elezzjoni tal-Papa. Dawn se jinġabru kwarta qabel fil-Kappella Pawlina, l-Ewwel Loggia tal-Palazz Appostoliku tal-Vatikan. Il-Kardinali tar-rit Latin ikunu libsin il-libsa ħamra, ir-rukkett, il-muzzetta, is-salib pettorali b’ħabel aħmar u deheb, iċ-ċurkett, iz-zukkett u l-birritta; filwaqt li l-Kardinali tal-Knejjes Orjentali jilbsu l-libsa korali tagħhom proprja. 

Mill-Kappella Pawlina, waqt il-kant tal-Litaniji tal-Qaddisin, il-Kardinali Eletturi jmorru f’purċissjoni lejn il-Kappella Sistina fejn, wara l-kant tal-Veni Creator, jagħmlu l-ġurament kif preskritt.

Kif takkwista l-ktieb tal-Konklavi

Fl-aħħar ta’ dan il-ktieb ġdid tiegħi hemm glossarju estensiv mhux ħażin ta’ termini assoċjati mal-konklavi u mal-Papat. Nittama li ssibuh utli. Inkludejt ukoll fost l-oħrajn tagħrif dwar it-tliet Kardinali Maltin li kellha l-Knisja fl-istorja tagħha u wkoll fuq kif San Ġorġ Preca kien iħares lejn il-figura tal-Papa. 

Il-qligħ kollu tal-ktieb se jmur b’riżq il-“Kċina ta’ Marta” inizjattiva tal-Knisja biex tgħin lil persuni li bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli. Madwar 400 persuna fil-ġimgħa qed jirċievu mal-1,200 ikla b’xejn ippreparata mit-30 voluntier tal-Kċina ta’ Marta fis-Seminarju f’Tal-Virtù. 20 persuna oħra jieħdu ħsieb it-tqassim tal-ikliet fid-djar għal dawk li ma jistgħux joħorġu minn darhom. Il-Kċina ta’ Marta hi inizjattiva mmexxija minn LOOP Djakonija Parroċċi bl-għajnuna ta’ The Alfred Mizzi Foundation.

Biex takkwista dan il-ktieb tista’ tidħol fis-sit sayitmalta.com u tordna minn hemm il-ktieb “Konklavi”. Tista’ tgħaddi sal-bookshop tal-Librerija Preca min nhar l-Erbgħa li ġej, jew iċċemplilhom minn qabel 2122 2626.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport