Meta l-Partit Laburista jgħid li huwa l-partit ta’ kull min jaħdem, ikun qed jagħmel dan bil-provi. Dan għaliex fl-aħħar snin esperjenzajna riforma wara l-oħra
li tejbet il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.”
Iddikjara dan is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul f’konferenza tal-aħbarijiet li indirizza flimkien mal-Kandidati tal-Partit Laburista Josef Bugeja u Lisa Cassar Shaw, li trattat is-settur tax-xogħol.
Dr Ellul beda biex tkellem dwar il-kredibilità li qal li tiddistingwi lil dan il-partit fis-suq tax-xogħol. Qal li r-riformi li ddaħħlu fl-aħħar snin saru b’konsultazzjoni mal-korpi kostitwiti u mingħajr ma nħoloq diżgwid bejn min jaħdem u min iħaddem.
Fost riformi importanti li ddaħħlu fl-aħħar leġiżlatura kien hemm ir-riforma li assigurat li jkollna żieda fil-paga minima kull sena.
Riforma li se tara l-paga minima terġa’ tiżdied fil-leġiżlatura li jmiss. Iddaħħal ukoll il-kunċett tal-equal pay for equal work, kemm fil-Gvern u kif ukoll
fis-settur privat.
Dan filwaqt li ddaħħlu miżuri fil-budget li għadda biex aktar employers itejbu
l-ħlas tal-ħaddiem tagħhom u fl-istess ħin titjieb ir-retention tal-ħaddiema.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul qal ukoll li ddaħħlet sistema ta’ liċenzjar għall-aġenziji tax-xogħol, iddaħħlu pieni aktar ħorox għall-ksur tal-liġi tax-xogħol u ċ-ċans biex tressaq ilment żdied għal sentejn għal finijiet ta’ preskrizzjoni.
Barra minn hekk, huwa qal li Malta kienet wieħed mill-ewwel stati membri tal-Unjoni Ewropea li lleġiżlat favur kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema
tal-pjattaforma (plaform workers). Żied jgħid li ġew ukoll aġġornati l-wage regulation orders sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Dan filwaqt li rdoppja l-leave urġenti għall-familja biex minn ftit sigħat tela’ għal erbat ijiem tax-xogħol, iddaħħal miscarriage leave u l-bereavement leave għal
dawk il-ġenituri li sfortunatament jitilfu t-tfal minuri tagħhom. Dwar il-miri ewlenin għas-suq tax-xogħol fis-snin li ġejjin, is-Segretarju Parlamentari Ellul qal li “d-dħul disponibbli medjan tal-familji Maltin u Għawdxin se jitla’ għal 135% tal-medja Ewropea sal-2050.
“Id-distakk fir-rata ta’ impjiegi bejn il-ġeneri tonqos bin-nofs filwaqt li l-gender
pay gap ta’ pajjiżna tkun fost l-aqwa tliet pajjiżi Ewropej. Ir-rata’ ħaddiema li qed jitħarrġu taqbeż il-medja Ewropea fil-ħames snin li ġejjin.” Titjib fil-pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol.
Dr Ellul qal li Gvern Laburista se jibqa’ joħloq il-ġid u dak il-ġid iridu li jkompli jilħaq lil kulħadd. “Tajna tax cut li hi d-doppju ta’ dak li wegħedna u daħħalna rata
ġdida ta’ taxxa għal ġenituri b’żewġt itfal. Issa se nirriformaw is-sistema magħrufa bħala ċekk tal-bżulija u se nagħtu tax cut oħra fil-forma ta’ bonus
b’saħħtu. Il-ħaddiema se jibbenefikaw minn bonus annwali ta’ 1,000 ewro li mhux
taxxabbli u dan japplika għall-ħaddiema kollha, anke dawk self employed.”
“Se nagħtu l-aqwa bidu għaż-żgħażagħ li jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dawn se jkunu eżenti milli jħallsu t-taxxa tad-dħul fuq l-ewwel €30,000 kull sena għall-ewwel tliet snin tagħhom fid-dinja tax-xogħol. “Se niftħu diskussjoni mal-imsieħba soċjali dwar l-introduzzjoni tar-right to request flexible work arrangements fejn il-ħaddiem ikollu dritt jitlob lill-employer tiegħu jipprovdilu kundizzjonijiet ta’ remote working, flexi time jew compressed week, reduced hours jew part-time. Min-naħa tiegħu, l-employer irid jikkunsidra din it-talba u jagħti tweġiba fi
żmien stipulat,” tenna s-Segretarju Parlamentari Ellul.

