Tuesday, April 30, 2024

“Kuntenta li se ngħolli l-bandiera Maltija fl-Amerka”

Maxine Formosa Gruppetta, Miss Universe Malta 2022

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Maxine Formosa Gruppetta, ir-rebbieħa ta’ Miss Universe Malta 2022, tinsab fi triqitha lejn New Orleans, Louisiana, fejn ser isir il-konkors internazzjonali ‘Miss Universe 2023’.

Maxine, imwielda San Ġiljan, għandha 21 sena u taħdem bħala assistenta legali. Maxine mhix wiċċ ġdid f’Miss Universe Malta hekk kif ipparteċipat drabi oħra f’dan il-konkors, bl-iktar darba viċin ir-rebħa tkun dik fl-2021 meta kklassifikat fit-tieni post.

Fuq il-mezzi soċjali, Maxine stqarret: “Ma nistax nemmen li wasal illum, il-jum li ilna nippreparaw għalih matul l-aħħar sena. Ma nistax nibda niddeskrivi l-emozzjonijiet li qed inħoss bħalissa, imma qed nirkeb il-mewġ ta’ dawn l-emozzjonijiet!”

Hi tkompli tgħid: “Se nżomm il-bandiera tagħna l-Maltin għolja biex l-Univers jaraha, u nwiegħed li se nagħmel minn kollox biex nagħmilkom kburin. Għandi tamiet kbar ħafna, iżda jkun xi jkun ir-riżultat, ma nistax inkun aktar kburija li nirrappreżenta lill-gżira sabiħa tagħna fuq pjattaforma daqshekk kbira bħal Miss Universe”.

Ritratt: Creative Photography

Talk.mt għamel kuntatt ma’ Maxine fejn qaltilna li: “Inħossni kuntenta li se ngħolli l-bandiera Maltija fl-aktar konkors segwit fid-dinja”. Hija kompliet tispjega li ilha xhur sħaħ tħejji ruħha għal din il-kompetizzjoni, saħansitra anke barra minn Malta: “Kont qed nitħarreġ ma’ Miss Academy f’Texas, l-Amerika, li hija l-aktar skola professjonali dwar konkorsi ta’ sbuħija fejn tgħallimt dwar il-personalità, l-immudellar, l-etikett, il-photoshoots, u anki kelli lezzjonijiet dwar il-make-up u l-stili tax-xagħar”.

Maxine rringrazzjat lill-isponsors kollha tagħha kif ukoll lil kull individwu li b’xi mod jew ieħor kienu ta’ għajnuna, u żiedet tgħid li tħobb lil Malta.

F’kumment li tat Maxine lil dan is-sit ftit minuti wara li ġiet inkurunata Miss Universe Malta 2022, meta mistoqsija dwar x’ħasset meta ngħatat l-aħbar li rebħet it-titlu ‘Miss Universe Malta 2022’, hija qalet li ma setgħetx temmen lil għajnejha b’dak li rat u fuq kollox kienet tinsab sorpriża ferm.

Sport