Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?
L-imħabba tiegħi lejn il-basketball bdiet bis-saħħa tal-għalliema tiegħi tal-Edukazzjoni Fiżika (PE), li dejjem ħeġġitni bis-sħiħ biex fil-brejk tal-iskola immur basketball flok ġinnstika. U fl-aħħar wara ħafna konsistenza rnexxielha tikkonvinċieni. Jien kont tifla kwieta u mistħija ħafna. Niftakarni mmur id-dar ngħid lil ommi x’kienet tgħidli l-għalliema biex immur nilgħab ma’ klabb. Ommi qisha ma ħaditnix bis-serjetá mill-ewwel imma wara li għidtilha għal bosta drabi fl-aħħar qaltli biex immur. Missieri meta konna żgħar li kien għalih kien iqiegħdna ġo bozza biex żgur ma nweġġgħux imma niftakar kont mort għall- bidu mingħajr ma għidnielu xejn imbagħad l-affarijiet ġew f’posthom waħedom. Niftakarni ġaladarba li bdejt ma kontx nitlef sessjoni ta’ taħriġ waħda, ġieli anke marida kont immur għat-taħriġ. Fl-ewwel sessjonijiet peressli kien għad ma kellix il-kulturá sportiva, niftakarni mmur għat-taħriġ, qisni sejra ‘picnic’!
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-tim tiegħek, Luxol BC, sa issa.
Minn dak iż-żmien sa issa kelli diversi timijiet differenti flimkien mal-esperjenza ta’ barra minn Malta għal 13-il sena jew ftit iktar. Illum il-gurnata qed nilgħab mat-tim tal-luxol – tim kompost minn plejers żgħar imma ta’ potenzjal kbir.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Ifhem, it-tragward tagħna dejjem ikun logħba logħba- ovvjament l-għan prinċipali tagħna jkun ir-rebħ tal-kampjonat. Il-kowċ forsi jara fit-tul iktar minn plejer imma jiena bħala plejer nieħu l-istaġun u kull Tazza li torganizza l-Malta Basketball Association, logħba logħba – ġieli lanqas inżomm f’moħħi kontra min inkunu se nilagħbu l-ġimgħa ta’ wara għax inkun naf fil-ġurnata ta-Tnejn kif nibdew l-preparazzjoni għal dik il-logħba partikolari. Naħseb li kull logħba hija storja differenti u ma tistax toqgħod tagħmel ħafna kalkoli u l-aħjar ħaġa tiffoka fuq dik il-logħba li tkun ġejja u permezz ta’ hekk tasal għall-objettiv finali.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali Malti sa issa.
Mat-tim nazzjonali Malti ilni nilgħab minn mindu kelli 14-il sena imma mat-tim tal-kbar ilni mill-2002 meta beda t-taħriġ għall-preparazzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li kienu se jsiru f’Malta fl-2003 u fejn Malta konna rbaħna l-ewwel midalja tad-deheb fl-istorja. Għandi 14-il midalja b’kollox u naħseb li dan huwa tragward kbir. Mat-tim nazzjonali Malti lgħabt 91 darba, fejn ksibt 49 rebħa u 42 telfa, b’total ta’ 1235 punt.
X’unuri prinċipali rbaħt kemm fuq bażi personali kif ukoll bħala tim fil-karriera tiegħek sa issa?
Għandi diversi unuri bħall-Plejer tas-Sena, Plejer tax-Xahar eċċ., All star 5 ta’ meta konna nkunu mat-tim nazzjonali Malti f’kompetizzjonijiet barra minn xtutna, u bosta midalji tad-deheb, fidda u bronż waqt il-kompetizzjonijiet li nipparteċipaw fihom.
Kif tqis il-livell tal-basketball lokali fil-preżent?
Il-livell dejjem jitjieb naħseb. Il-fatt li jħallu l-plejers barranin jipparteċipaw fil-kampjonat tagħmel differenza minħabba l-fatt li l-livell jogħla u allura tispiċċa tittrenja ma’ plejers li jagħtuk sfida. Dan jintwera wkoll fil-logħob li nilagħbu mat-tim nazzjonali Malti bir-riżultati li niksbu.
U dak tar-riżorsi (Padiljun) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?
Il-Padiljun ta’ Ta’ Qali huwa l-post fejn nilagħbu u naħseb li huwa gym vera sabiħ u ta’ livell għoli. L-investiment li għamlet il-Malta Basketball Association kien vera ‘worth it’. It-tined għalkemm huma tined ippermettew li l-klabbs jittrenjaw f’postijiet kif xieraq u kif tassew jistħoqqilhom. Ċerti klabbs m’għandhomx il-‘premises’ tagħhom u li kieku ma kinux dawk it-tined konna probabilment nispiċċaw nittrenjaw f’courts vera żgħar li mhumiex ta’ qies realistiku u li ma jippermettux li tipprepara għal-logħob kif suppost.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball? Għad narawk kowċ ‘il quddiem?
Bħalissa għadni nilgħab. F’moħħi m’għandix li nikkowcja xi tim, għalkemm għandi grupp li nikkowċja li għandhom bejn erba’ u sitt snin kull nhar ta’ Ħadd mid-9.30am sal-10.30am l-iskola tal-Imrieħel. Is-sabiħ tat-tfal huwa li meta tara titjib tħoss sodisfazzjon kbir. Mat-tfal m’hemmx tidwir mal-lewża … jgħidu u jagħmlu dak li jħossu għaliex ikunu verament ġenwini u dak hu s- sabiħ tagħhom għax magħhom taf fejn tkun. Meta jikbru u jaslu f’etá ftit ikbar, inkun jien stess li nħeġġiġhom biex jingħaqdu ma’ klabbs biex anke huma jkunu jistgħu jieħdu sehem fit-tournaments taż-żgħar.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-basketball.
Il-messaġġ tiegħi huwa dejjem l-istess – dak li jkunu konsistenti f’dak li jixtiequ jeċċellaw fih. Jien inħares lura u nghid kif kont nagħmel dak li kont nagħmel. Probabbli llum il-ġurnata għax għandi prijoritajiet oħra f’ħajti ma nagħmilhomx imma dak iż-żmien kelli objettivi differenti u kont mimlija enerġija. Kont naħdem hafna u ma kont inħalli lil xejn u lil ħadd jidhol bejni u bejn il-basketball!