Saturday, December 21, 2024

KURAĠĠ U FITTXU L-GĦAJNUNA

Josianne Cutajar
Josianne Cutajar
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Smajna u għidna kemm-il darba li l-vjolenza domestika hija pjaga soċjali li rridu nindirizzaw. Dan filwaqt li l-istatistiċi huma inkwetanti ħafna. Biss biss, informazzjoni li tinġabar mill-Kummissjoni Ewropea turi kif tfajla minn kull tlieta, li għandhom aktar minn 15-il sena, b’xi mod esperjenzat vjolenza sesswali. Fl-istess ħin mara adulta minn kull tnejn ukoll ġarrbet esperjenza qarsa bħal din, liema problema nfirxet ukoll onlajn.

Sfortunatament kriżi maġġuri bħalma kienet il-pandemija taf iżżid ċertu tendenzi vjolenti, u minħabba li bosta kienu kostretti jibqgħu aktar fi djarhom minħabba r-restrizzjonijiet, kultant maqbuda mal-aggressur, kien aktar diffiċli li wieħed jirrapporta dawn it-tip ta’ każijiet. Fl-Italja, per eżempju, il-linja telefonika li tintuża apposta għal każijiet ta’ vjolenza domestika rat tnaqqis drastiku ta’ rapporti.

Bħala Membru f’dan l-istess Parlament, iżda fuq kollox bħala avukat li ħdimt ukoll fil-Qorti tal-Familja, nemmen li rridu nkomplu naħdmu favur aktar għarfien, azzjonijiet konkreti u infurzar adegwat fejn jidħol dan il-qasam, fejn fadal ħafna persuni jsofru fis-skiet; ħidma li trid issir matul is-sena kollha. 

Kien għalhekk li xi jiem ilu, flimkien mal-Ministru Michael Falzon, żort iċ-ċentru ta’ emerġenza Għabex, li jipproteġi nisa vittmi ta’ vjolenza domestika u uliedhom għal massimu ta’ sitt xhur. L-aqwa lezzjonijiet dwar din il-pjaga jistgħu jagħtuha l-vittmi u l-familjari tagħhom u allura hu importanti li nisimgħu direttament l-esperjenzi tagħhom biex jgħinu fit-tfassil tal-politika li nwettqu.

Bħala membru tal-Gender Mainstreaming Network fil-Parlament Ewropew qed nimbotta ħidma relatata mal-vjolenza domestika u anke oqsma oħra biex titqajjem kuxjenza akbar dwar is-suġġett. Dan apparti li nagħti l-kontribut tiegħi meta jkun hemm diskussjonijiet jew ħidma relatata fil-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi. Kif dejjem sħaqt, hu importanti li apparti l-irkupru ekonomiku jkollna l-irkupru soċjali li għandu jkun fuqnett tal-aġenda. 

Nazzarda ngħid ukoll li ma nagħmlux ħażin inkunu ftit kreattivi aħna u nadattaw mezzi ġodda kif niġġieldu din il-pjaga wara pandemija. Din diġà rajnieha f’diversi pajjiżi, fejn ħaddiema li jagħtu servizzi differenti, ikunu imħarrġa biex jidentifikaw sinjali ta’ vjolenza u jiggwidaw lill-vittmi. 

Hija wkoll importanti l-assistenza permezz ta’ fondi mill-Kummissjoni Ewropea bħal dawk offruti grazzi għall-Programm tad-Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadini, li għenu fil-finanzjament ta’ 200 proġett mill-Istati Membri, li lkoll b’xi mod ħadmu jew qed jaħdmu biex tkun eliminata l-vjolenza fil-konfront tan-nisa.

Fuq kollox ejja ma ninsewx li din mhix kwistjoni privata ta’ bejn koppja jew familja, imma reat kriminali li għal aktar minn darba kien fatali, anke f’pajjiżna. Ejja ma ninsewx li fl-aħħar mill-aħħar, din hija pjaga soċjali li jien jew int, irrispettivament mill-ġeneru tagħna u minn min aħna, nafu nsibu ruħna fiha aħna jew ta’ madwarna. 

Fl-aħħarnett, nikkonkludi b’messaġġ li ġejt mitluba ngħaddi mir-residenti taċ-ċentru stess. Messaġġ lil dawk li għaddejjin mill-martirju tal-vjolenza domestika: Taqtgħux qalbkom, agħmlu kuraġġ u fittxu l-għajnuna.

Għal aktar informazzjoni żur is-siti:

www.josiannecutajar.com
www.socialistsanddemocrats.eu

Ekonomija

Sport