Wednesday, April 24, 2024

L-aħwa Degiorgio jilmentaw li ngħatawx ċans jagħżlu avukat tal-fiduċja tagħhom

Aqra wkoll

L-aħwa George u Alfred Degiorgio ressqu talba ġdida fil-Qorti sabiex ikun sospiż il-ġuri tagħhom b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-aħwa qed isostnu li d-dritt tagħhom għal smigħ xieraq jinkiser b’diversi modi li kieku l-ġuri jibqa’ għaddej kif skedat. 

Wieħed mill-aħwa, Alfred Degiorgio, ġie rrappurtat li għamel strajk tal-ġuħ fil-ħabs biex jipprotesta dwar is-sitwazzjoni u l-Ħadd li għadda ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-osservazzjoni. 

F’rikors ippreżentat quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, l-aħwa argumentaw li d-difiża tagħhom ingħatat daqqa ta’ ħarta meta l-avukat tagħhom ix-xahar li għadda ddikjara li ma kienx se jibqa’ jirrappreżentahom. 

Il-Qorti għalhekk ħatret żewġ avukati tal-għajnuna legali wara li l-aħwa Degiorgio naqsu milli jinnominaw avukat ġdid tal-għażla tagħhom. 

L-aħwa qed jargumentaw li ma jistgħux jagħmlu difiża valida fil-ġuri mingħajr l-għajnuna ta’ avukat ta’ fiduċja tagħhom, minħabba l-kumplessità tal-każ, li jinkludi madwar 15,000 dokument u erba’ gigabytes ta’ data. 

Qalu wkoll li ma ngħatawx biżżejjed ħin biex jagħżlu avukat ieħor tal-għażla tagħhom u ġew assenjati avukat tal-għajnuna legali kontra x-xewqat tagħhom stess.

L-Avukat tal-għajnuna legali Joseph P. Bonnici ffirma r-rikors li ġie ppreżentat kontra l-Avukat tal-Istat, l-Avukat Ġenerali u d-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati.

Sport