Saturday, December 21, 2024

L-Assoċjazzjoni tal-Bliet Ukreni b’apprezzament għal pajjiżna

Aqra wkoll

F’ittra ta’ ringrazzjament u apprezzament mill-Assoċjazzjoni tal-Bliet Ukreni lill-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava, hija rringrazzjat lilu u lil pajjiżna tas-sostenn u tad-dedikazzjoni f’summer camp li ġie organizzat f’Malta għal numru ta’ tfal u żgħażagħ Ukreni bejn id-9 u l-14-il sena fejn dawn filwaqt li ħadu pjaċir u kienu ‘l bogħod mill-ġenn u l-periklu tal-gwerra, tgħallmu ferm dwar il-kultura u l-ħajja tagħna l-Maltin.

Kienet ġimgħa mimlija attivitajiet fejn dawn it-tfal minn wiċċhom tinduna li verament ħadu gost. L-Assoċjazzjoni tal-Bliet Ukreni semmiet li t-tfal donnhom ma ridux jitilqu minn Malta fejn ħadu gost b’diversi attivitajiet fosthom dawra bil-ferrovija madwar it-tlett ibliet tal-Kottonera, nofstanhar fl-istabbiliment ta’ Mdina Glass fejn hemmhekk setgħu jagħmlu wkoll il-biċċiet favoriti tagħhom kif ukoll fl-MCAST fejn hemmhekk ukoll kien għaddej kamp ieħor tas-sajf. 

Ma naqsux mawriet fil-gżira t’Għawdex speċjalment fil-belt kapitali Rabat u anke attivitajiet kulinjarji fejn dawn it-tfal kellhom iċ-ċans jagħmlu l-pizza favorita tagħhom bl-għaġina b’kollox. Huma kellhom iċ-ċans imorru fi stabbilimenti ta’ ħwienet prinċipali fil-Kalkara, f’Tas-Sliema u San Ġiljan u jesperjenzaw mill-ġdid li jaraw il-vetrini tal-ħwienet, jixtru xi ħaġa żgħira u jilagħbu anke f’xi swali fejn hemm ħafna logħob teknoloġiku.

Fil-fatt anke l-ħwienet ta’ din ix-xorta huma magħluqa fl-Ukrajna u għalhekk huma biss dawk fejn hemm l-affarijiet bażiċi li huma miftuħin. It-temp, l-ambjent u anke l-kulur li kien hemm f’dawn il-ħwienet għaġġbu mhux ftit lil dawn it-tfal Ukreni li bilkemm riedu jitilqu minn fejn kienu. 

L-Assoċjazzjoni tal-Bliet Ukreni temmet l-ittra ta’ ringrazzjament billi qalet li tittama li summer camp ta’ din ix-xorta jerġa’ jiġi organizzat matul is-sena d-dieħla.

Ekonomija

Sport