Tuesday, April 30, 2024

L-ekonomija Maltija kibret b’9.4% fl-2021

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Stimi proviżorji ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) urew li l-Prodott Domestiku Gross (GDP) għas-sena 2021 kien jammonta għal €14,533 miljun, li jfisser żieda ta’ €1,473.9 miljun meta mqabbel mal-2020. F’termini ta’ volum, il-GDP żdied b’9.4%, wara t-tnaqqis ta’ 8.3% reġistrat is-sena ta’ qabel b’riżultat tal-pandemija.

L-istatistika turi li matul l-2021, il-Valur Miżjud Gross (GVA) żdied bi 11.4% f’termini nominali u b’9% f’termini ta’ volum, meta mqabbla mal-2020. Il-kontributuri ewlenin wara dan it-tkabbir kienu l-oqsma tas-servizzi, l-industrija u l-kostruzzjoni, li raw żieda ta’ 9.6%, 5.6% u 5.8% rispettivament. Min-naħa l-oħra s-settur tal-biedja u s-sajd irreġistra tnaqqis ta’ 0.6%.

It-taxxi netti fuq il-prodotti ikkontribwew b’mod pożittiv lejn it-tkabbir fil-GDP, b’żieda ta’ 13.8% f’termini ta’ volum. Meta mqabbel mas-sena 2020, iż-żieda nominali ta’ kważi €1,473.9 miljun fil-GDP kienet dovuta għal tkabbir fis-sub-komponenti tad-dħul, li kienu mqassmin f’żieda ta’ €448.6 miljun f’kumpens lill-ħaddiema, €845.1 miljun fi ‘gross operating surplus’ u taħlit ta’ dħul, u €180.3 miljun mit-taxxi netti fuq il-produzzjoni u l-importazzjoni.

F’kumment fuq il-mezzi soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-irkupru ekonomiku mill-pandemija huwa wieħed b’saħħtu. “Tkabbir ekonomiku ta’ 9.4%. Ġid Nazzjonali li qabeż il-livelli ta’ qabel il-pandemija.”

Sport