L-ERA twieġeb dwar it-tneħħija ta’ siġar minn Kemmuna

Aqra wkoll

Id-deċiżjoni tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar l-iżvilupp ta’ Kemmuna mill-Grupp Hili poġġiet obbligu fuq l-applikant biex iħawwel 540 siġra indiġena ġdida fuq il-gżira.

Dan iddikjaratu l-ERA fi stqarrija għall-istampa. Qalet li “l-impenn jirriżulta mill-kundizzjoni tal-ERA li tobbliga lill-applikant li jħawwel 10 siġar għal kull waħda mill-54 siġra protetta li se jitneħħew skont il-permess għall-iżvilupp ta’ Kemmuna. Dawn is-siġar jiffurmaw parti minn grupp ta’ 678 siġra u arbuxell, fil-biċċa l-kbira tagħhom oleander u palmi ornamentali, li se jitneħħew.”

Tenniet li “minn dan il-grupp ta’ siġar, 92 fil-mija mhumiex speci protetti ta’ siġar. Barra minn hekk, 348 siġra oħra, li huma siġar protetti ħlief għal sebgħa biss, se jiġu trapjantati fl-istess sit. L-applikant huwa legalment obbligat li jħawwel 10 siġar mill-istess stokk ġenetiku Malti, għal kwalunkwe siġra li ma tiġix trapjantata b’suċċess. Dawn il-pjanijiet, koperti mill-permess għall-iżvilupp ta’ Kemmuna, huma sostnuti mill-għarfien espert xjentifiku tal-ERA kif ukoll mis-sejbiet tal-Environmental Impact Assessment obbligatorja mwettqa mill-applikant, li eżaminaw l-impatti tal-proġett, inkluż dak fuq is-siġar u l-veġetazzjoni.” 

Saħqu li “dawn l-obbligi jiggarantixxu miżuri ta’ mitigazzjoni u kumpens, ibbażati wkoll fuq studji xjentifiċi, li jistgħu jimminimizzaw l-impatt ambjentali minn dawn l-interventi.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport