Permezz t’avviż legali ġdid, li ddaħħal nhar it-Tlieta li għaddew, il-minimu tal-multi li jinħarġu u jridu jitħallsu fuq il-post, dawk imsejħin “multi fuq il-post”, żdied minn €25 għal €50. Din il-miżura, ġiet introdotta fl-aħħar ġimgħat, għandha l-għan li ssaħħaħ l-infurzar tal-liġi kontra dawk il-barranin mhux residenti fostna u b’hekk żdied l-effett tad-deterrent kontra min jinqabad jikser ir-regolamenti.
F’wieħed mill-ewwel każi li kellna kien dak ta’ turista li ġiet immultata €100 fuq il-post minn uffiċjali tal-Pulizija, wara li din waddbet borża taż-żibel f’parapett ta’ residenza fis-Swieqi. Dwar dan l-avviż legali, dan is-sit tkellem ma’ diversi organizazzjonijiet, li kollha esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għal dan il-pass. Kemm is-Sindku tal-Belt, kif ukoll il-President tal-MHRA u l-ACE, kellhom kummenti pożittivi għal dan l-avviż legali li se jsaħħaħ l-infurzar.
Bil-qafas legali ġdid, il-ħlas tal-multa jrid isir immedjatament fil-ħin li tinqabad il-kontravenzjoni u b’hekk jissaħħaħ l-inforzar tal-liġi. Fl-istess ħin, jekk persuna ma tħallasx il-multa, jinżammilha l-passaport jew id-dokument tal-ivvjaġġar sakemm tħallas dak dovut minnha.
Ma’ dan, l-introduzzjoni tal-“multi fuq il-post” ukoll tagħmilha possibbli li turisti jiġu riferuti biex jitkeċċew mill-pajjiż qabel biss tintemm il-btala tagħhom. L-avviż legali l-ġdid jkompli jibni fuq il-miżura introdotta x-xahar li għadda favur multi dwar reati minuri u kontravenzjonijiet.
Il-Ministru Clifton Grima iddikjara li dan l-avviż legali hu pass ieħor lejn sistema ta’ ġustizzja aktar effettiva u ġusta, waqt li l-Gvern jibqa’ mpenjat li jsaħħaħ l-inforzar tal-liġi u r-rispett lejn ir-regoli.
L-ammont tal-multa għadu baxx wisq- Tony Zahra, President MHRA
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, Tony Zahra, f’kummenti lil IT-TORĊA qal li “l-MHRA kienet l-istituzzjoni li għamlet pressjoni fuq il-gvern biex jiġu introdotti multi immedjati. Ħaditilna sentejn biex nikkonvinċu lill-gvern jintroduċi din il-leġiżlazzjoni, u għalhekk ninsabu sodisfatti ħafna li issa saret liġi.”
Enfasizza li “ż-żieda minima minn €25 għal €50 hija pożittiva, iżda l-ammont għadu baxx wisq biex iservi ta’ deterrent; għandu jkun ta’ mill-inqas €100.”
Mistoqsi jekk jarax li b’dan se jitnaqqas l-abbuż, Tony Zahra qalilna li “dan huwa mod wieħed kif jiġi limitat l-abbuż; madankollu, hemm bżonn ta’ miżuri oħra li jwasslu għall-eliminazzjoni tiegħu.”
Mistoqsi jekk jarax li din il-miżura hux se ssaħħaħ ir-responsabbilità, Tony Zahra iddikjara li “dan huwa mod wieħed kif in-nies jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom. Huwa importanti wkoll li niżguraw li l-messaġġ jasal għand dawk kollha li jiġu Malta: huma għandhom jirrispettaw lir-residenti u l-kultura ta’ Malta, għax inkella jiksru l-liġi. Nuqqas ta’ rispett, imġiba anti soċjali jew forom oħra ta’ abbuż m’għandhomx jiġu ttollerati f’Malta.”
F’każi oħra rajna li żieda fil-multi ġabet aktar dixxiplina u inqas abbuż -ACE
L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE), meta kkummentat ma’ dan is-sit qalet li “l-kwalità tat turist li jżur gżiritna ma tiqafx fil-promozzjoni barra minn xtutna imma trid tigi kkumplimentata bl-infurzar tal-mod kif iġib ruħu kull min iżur pajjiżna. Kif rajna f’oqsma oħra iż-żieda fil-multi ġabet aktar dixxiplina u inqas abbuż.”
L-ACE qalet li “dan għandu jsir għax importanti li nassiguraw li pajjiżna jibqa’ sigur, kemm għall-benefiċċju tat-turist iżda fuq kollox għall-Malti. Irridu nassiguraw li nnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatt tat-turisti fuq il-ħajja tal-Maltin u dawn il-multi jassiguraw propju dan.”


