L-esperti ħadu l-miljuni u ħarbu. Hekk iddikjarat l-Avukat Gianella de Marco meta lbieraħ kompliet tinstema’ l-kawża dwar l-inkjesta Vitals.
Fis-seduta tal-bierah kien hemm interventi minn bosta mill-avukati difensuri wara illi l-Maġistrat Rachel Montebello informat lil kulħadd illi l-espert ewlieni fl-inkjesta, Jeremy Harbinson ddikjara li ma jistax jiġi Malta la issa u lanqas fil-futur prevedibbli biex jixhed minħabba dawk li huwa qed jgħid li huma raġunijiet familjari relatati mas-saħħa tal-mara tiegħu.
U dan minkejja li l-Qorti ordnatlu biex jidentifika data meta se jiġi Malta sabiex jiġi jixhed. Minflok, Harbinson, permezz tal-avukat tiegħu Peter Fenech, persuna qrib ħafna tal-PN, qed jibqa’ jinsisti li jista’ jixhed biss bil-video conference.
Il-Maġistrata Montebello qalet illi l-avukati difensuri kollha oġġezzjonaw li Harbinson jixhed bil-video conference u issa l-Qorti ordnatlu li jipprovdi dokumenti li jiġġustifikaw r-raġuni li għaliha ma jridx jiġi jixhed fiżikament f’Malta.
Meta l-istess Maġistrat staqsiet lill-Avukat Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li qed imexxi l-prosekuzzjoni fuq il-bażi tar-rapport tal-inkjesta li kkordina Jeremy Harbinson, dwar jekk l-istess Harbinson joperax mill-Irlanda jew mill-Irlanda ta’ Fuq, l-Avukat Refalo wieġeb li ma kienx jaf u li ried jiċċekkja. Eventwalment ftit tal-minuti wara qal li Harbinson jopera mill-Irlanda ta’ Fuq.
F’intervent li għamlet l-Avukat Gianella de Marco qalet illi Harbinson qed iġib ruħu b’mod arroganti meta mhux jobdi ordni tal-Qorti. Saħqet illi l-esperti kollha qed joħolqu skuża waħda wara l-oħra u illi din hija sitwazzjoni preokkupanti ħafna. “Wara li ħadu l-miljuni, ħarbu u ma jridux jiġu hawn fil-Qorti biex iwieġbu d-domandi,” iddikjarat de Marco, illi kompliet tgħid illi din hija traġedja.
L-Avukat Vince Galea, li qed jidher għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat, qal illi Harbinson jinstab f’pajjiż fejn jekk jaqbad titjira filgħodu għal Malta, waranofsinhar jaqbad oħra u jkun lura l-Irlanda ta’ Fuq. Saħaq illi ma jistax ikun li Harbinson bħala espert ħa €11-il miljun u meta issa l-Qorti qed tordnalu jiġi Malta biex jixhed, ma jridx jiġi. “Sal-lum għadu ma ppreżenta lanqas karta waħda biex jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu.” L-avukat Galea saħaq illi qabel il-Qorti tiddeciedi tilqax jew le t-talba tal-Avukat Ġenerali li Harbinson jixhed bil-video conference, huma jrid jressqu l-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tar-raġuni li qed jagħti Harbinson.
L-avukat Galea qal li Harbinson irid li meta jixhed bil-video conference jkun hemm preżenti miegħu esperti oħra li jidentifika huwa, soġġett għad-disponabilità tagħhom. L-avukat saħaq illi fi ftit kliem Harbinson irid lista bil-quddiem tal-mistoqsijiet biex jara min ikun disponibbli mill-esperti biex iwieġeb. Saħaq li dan l-espert għandu juri rispett lejn il-Qorti u jiġi jixhed f’Malta.
L-avukat Edward Gatt qal illi l-fatt li Harbinson qed jisfida ordni tal-Qorti huwa indikattiv tal-aġir tiegħu. L-avukat Stefano Filetti rrimarka li Harbinson f’video li jeżisti fuq youtube qal li huwa rċieva ċekk enormi tal-karità u bih mar xtara ranch fi Slovakkja. Waqt li qal illi Harbinson jgħid illi huwa espert tal-money laundering, l-avukat Filletti staqsa jekk dan hux każ ta’ money laundering. Żied illi l-esperti li huma l-pern ta’ kollox, għaliex kollox huwa bbazat fuq dak li kitbu huma, f’daqqa waħda ma jridux jersqu lejn il-Qorti sabiex jixhdu. L-avukat sostna li Harbinson mhux xhud ordinarju u m’għandux jithalla jixhed bil-video conference.
Fil-bidu tas-seduta l-avukat Jason Azzopardi ppreżenta dawk li huwa sejjaħ bħala tliet rapporti datati Frar 2015 li skont huwa kienu għand il-Malta Enterprise u li skont huwa minkejja li kienu intalbu mill-Maġistrat Gabriella Vella waqt l-inkjesta, ma kinux ingħatawlha. L-avukat Azzopardi ġie mistoqsi mill-Avukat Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kif originarjament semma li kien se jippreżenta ħames dokumenti iżda eventwalment ippreżenta tlieta. Azzopardi wieġeb illi wara li vverifika sab li tnejn minn dawn id-dokumenti fil-verità kienu mgħoddija lill-Maġistrata.
Mistoqsi mill-Avukat Gianella de Marco jekk id-dokumenti ppreżentati kinux kopji, Azzopardi wieġeb li iva. Mistoqsi jekk rax id-dokumenti oriġinali, l-avukat Azzopardi wieġeb li ma kienx ra d-dokumenti oriġinali. De Marco staqsiet lil Azzopardi jekk f’dan il-każ huwa kienx biss messaġġier li ppreżenta kopji ta’ dokumenti mingħajr ma kellu ebda kontroll fuq id-dokumenti oriġinali, b’Azzopardi jwieġeb iva. Jason Azzopardi qal ukoll li huwa ma kienx mar il-Malta Enterprise biex jivverifika d-dokumenti li ngħataw lilu.
Għall-mistoqsijiet tal-avukat Filetti, Azzopardi reġa qal li ma kellu ebda mezz kif jivverfika d-dokumenti originali u ma kienx jaf jispjega kif min tah id-dokumenti dam dawn ix-xhur kollha biex jagħmel hekk. L-avukat Chris Cilia rrimarka illi waqt li kienet qed issir l-inkjesta, saret search fil-bini tal-Malta Enterprise u l-investigaturi ngħataw aċċess għal kullimkien. Fuq din il-bażi, l-avukat Azzopardi kien mistoqsi jekk jafx jekk waqt li saret din is-search, id-dokumenti oriġinali li llum ppreżenta kopja tagħhom, kinux fil-bini tal-Malta Enterprise. L-avukat Azzopardi wieġeb li jinsab ċert mija fil-mija illi kienu hemm meta saret is-search. Mistoqsi kif jaf b’dan, huwa qal illi jekk iwieġeb ikun qed jikser is-sigriet professjonali.
Is-seduta li jmiss hija skedata għat-Tnejn 24 ta’ Frar fil-11.00 a.m.