Saturday, October 26, 2024

“L-għan li jkun hemm rabta bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet Ewropej għandu jiggwida x-xogħol kollu tagħna”

Aqra wkoll

Jgħid dan is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi

Waqt li kien qed jieħu sehem fil-Laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi faħħar ix-xogħol li għamlet il-Presidenza Slovena u issa dak li qed tagħmel il-Presidenza Franċiża.

Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-lum, il-Presidenza Franċiża ressqet il-prijoritajiet tagħha li huma ffukati fuq tliet temi ewlenin: l-irkupru, il-qawwa, u l-ħtieġa ta’ sens ta’ sħubija taċ-ċittadini mal-istituzzjonijiet Ewropej. Il-Kunsill iddiskuta wkoll il-pakkett ta’ proposti ppreżentati mill-Kummissjoni Ewropea dwar it-tisħiħ tad-demokrazija u l-integrità tal-elezzjonijiet fl-Istati Membri. Temi oħra diskussi kienu l-aħħar żviluppi fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit u l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi stqarr li l-Unjoni Ewropea minn dejjem kienet definizzjoni tal-valuri u l-prinċipji Ewropej. Għaldaqstant huwa qal li t-tisħiħ tas-sens ta’ sħubija taċ-ċittadini mal-istituzzjonijiet Ewropej mhuwiex biss importanti iżda wkoll relevanti ħafna fiċ-ċirkostanzi li qed ngħixu fihom bħalissa. Aktar minn hekk, is-segretarju parlamentari saħaq li l-għan li tkun stabbilita din ir-rabta diretta bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet Ewropej għandu jservi ta’ gwida għax-xogħol li jsir kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-istess istituzzjonijiet. Huwa esprima l-appoġġ ta’ Malta għall-prijoritajiet tal-Presidenza Franċiża.

Dwar il-koordinazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea fuq il-pandemija COVID-19, is-segretarju parlamentari kompla jisħaq li din għandha tibqa’ tkun ibbażata fuq ix-xjenza u li l-Istati Membri għandhom jibqgħu jaġġornaw il-mekkaniżmu li qed jużaw biex dan jibqa’ relevanti fil-ġlieda kontra l-pandemija. Huwa tenna l-importanza li ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) kif ukoll l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) jibqgħu jipprovdu gwida dwar dan il-qasam.

Rigward il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea fuq it-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea, is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi laqa’ dan il-pakkett ta’ proposti li għandu l-għan li jħares l-integrità tad-demokrazija fl-Istati Membri, kif ukoll il-libertà tal-espressjoni.

F’dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mar-Renju Unit, partikolarment dwar it-taħdidiet li għaddejjin bħalissa fuq il-Protokoll tal-Irlanda ta’ Fuq, is-segretarju parlamentari esprima l-appoġġ kollu ta’ Malta għall-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex jissolvew id-diverġenzi eżistenti.

Sport