Raġel li llum jinsab ħieles mid-droga f’appell li għamel enfasizza l-importanza li wieħed jisma’ u ma jiġġudikax. Dan għaliex kulħadd għandu xi talent, bl-aktar ħaġa importanti hija l-iżvilupp personali.
Dan ir-raġel, li ilu 13-il sena li ħareġ mill-vizzju tad-droga u ma messx aktar magħha, kien wieħed minn żewġ persuni li rrakkontaw l-esperjenzi tagħhom ta’ meta kienu għadhom jabbużaw mid-droga.
Dawn ir-rakkonti saru bħala parti minn sessjoni ta’ għarfien dwar il-vjaġġ personali mill-abbuż tad-droga għall-irkupru minnu, li saret fil-bini tal-General Workers’ Union, il-Belt Valletta.
Fir-rakkont tiegħu, dan ir-raġel qal li parti mill-istorja tiegħu kienet tmiss mal-Qrati, mal-ħabs, Avukati u snin twal ta’ inċertezza. Iżda fuq in-naħa l-oħra hemm ix-xogħol iebes, l-edukazzjoni, l-iżvilupp personali, l-ispiritwalità u r-rispett lejh innifsu li għenuh joħroġ mill-vizzju.
Huwa qal li meta tasal fil-qiegħ tal-vizzju, ikollok deċiżjoni x’tieħu, “jew tibqa’ mwaħħal hemm isfel u twaħħal f’kulħadd jew inkella taħdem qatigħ biex terġa’ temmen fik innifsek.”
Eventwalment huwa ħa din it-tagħlima u rnexxielu jsib xogħol. Dan kollu seħħ għax hu kien deċiż f’dak li ried jagħmel, għalkemm it-triq ma kinitx waħda faċli għalih.
Huwa sostna li kellu appoġġ qawwi mingħand il-ġenituri tiegħu, mill-Caritas u anke mar il-Millenium Chapel fejn hemmhekk sab ukoll l-għajnuna. Qal ukoll li llum mhux biss ħareġ mill-vizzju tad-droga imma qed jagħmel xogħol soċjali ma’ żgħażagħ fejn anke qasam l-esperjenzi tiegħu magħhom. Fuq kollox, tgħallem li f’dan il-vjaġġ ma kienx waħdu.
It-tieni persuna li qasmet l-esperjenzi tagħha kienet mara li issa ilha ħames snin ħielsa mill-vizzju tad-droga. Hija qalet li l-bidu tat-triq lejn il-vizzju kien mill-alkoħol li mbagħad wara ltaqgħet ma’ persuna oħra, inkontru li wassalha biex tmiss mas-sustanzi fejn l-ewwel ma ppruvat kienet il-ħaxixa.
Sostniet ukoll li avviċinat lill-Caritas u minn hemm bdiet bil-mod tingħata l-għajnuna biex terġa’ tintegra ruħha fis-soċjetà. Wara li għamlet il-programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga, il-mara qalet li ndunat kemm hi stess inbidlet tant li waslet biex illum se terġa’ tibda tistudja apparti li tgħin lin-nies li hi l-aktar ħaġa li tixtieq tagħmel. Hija temmet billi appellat biex kulħadd jemmen fih innifsu.
Fl-istess sessjoni tkellem ukoll Paul Caruana li ta perspettiva fil-fond dwar il-kuntest usa’ tal-abbuż mis-sustanzi, l-għarfien, l-appoġġ u l-irkupru.
Is-Sur Caruana qal li biex wieħed jifhem x’inhu l-vizzju tad-droga, irid l-ewwel jisma’ l-esperjenzi ta’ min ikun involut. Huwa tkellem fuq il-ħtieġa li l-ġenituri jiġu megħjuna jifhmu wkoll dwar l-użu tas-sustanzi u l-vizzju.
Tkellem ukoll dwar l-impatt li l-midja soċjali qiegħda tħalli fuq iż-żgħażagħ u saħaq fuq li l-ġenituri ma jagħmlux ħażin jekk josservaw x’ikunu qed jagħmlu wliedhom u ma’ min ikunu qed jikkomunikaw.
Fost temi oħra li tkellem dwarhom kien hemm il-bullying, il-prevenzjoni li trid tibda mid-dar, l-għarfien u r-reżiljenza biex persuna tirreżisti milli taqa’ fil-vizzju.
