L-Iran b’talbiet iebsa biex jerġa’ jinfetaħ l-Istrett ta’ Hormuz

Aqra wkoll

L-Iran ressaq talbiet ġodda u aktar iebsa biex jerġa’ jinfetaħ l-Istrett ta’ Hormuz, filwaqt li l-Emirati Għarab Magħquda qalu li wieħed mill-bastimenti tagħhom kien fil-mira ta’ missila Iranjana. Dan wara li sas-Sibt li għadda kien għadu ma ntlaħaqx ftehim biex jinfetaħ dan il-passaġġ marittimu.

Il-Kunsill Suprem tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Iran iddikjara li l-Istrett ta’ Hormuz mhux se jinfetaħ sakemm l-Istati Uniti “tikkoreġi l-imġiba tagħha.” Fl-istess waqt, il-midja statali Iranjana pubblikat ukoll stqarrija mis-Segretarju tal-Kunsill, Mohammad Bagher Zlghadr, li huwa wkoll kmandant fil-Korp tal-Gwardji tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC).

L-istqarrija tgħid li l-Istati Uniti m’għandha qatt terġa’ thedded lill-Iran, u għandha ttemm b’mod permanenti l-gwerra mal-Iran u mal-alleati armati tiegħu fir-reġjun. Intqal li l-Istati Uniti għandha tneħħi wkoll l-imblokk navali tal-portijiet Iranjani u tirtira l-forzi militari tagħha miż-żona. “Għandha wkoll tikkumpensa kompletament lill-Iran għall-ħsarat ikkawżati mill-gwerra, tneħħi s-sanzjonijiet u bla ebda kundizzjoni teħles l-assi ffriżati,” żied jingħad. 

Ma kien hemm ebda kumment immedjat mill-Istati Uniti, li riedet li jintlaħaq ftehim aċċettabbli dwar l-Istrett ta’ Hormuz qabel ma ttemm l-imblokk.

Is-Sibt li għadda, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Iran, Abbas Araghchi, qal li kienu qrib li jilħqu ftehim dwar in-navigazzjoni, “speċifikament dwar id-determinazzjoni ta’ rotta ta’ tranżitu”. Madanakollu, huwa qal li l-ftuħ mill-ġdid ta’ dan il-passaġġ marittimu jiddependi fuq kundizzjonijiet oħra u tefa’ l-ħtija għas-sitwazzjoni ta’ dak li sejjaħ bħala “ksur tal-ftehim interim min-naħa tal-Istati Uniti.” 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport