Turiżmu ta’ kwalità jibda bir-rispett lejn il-post u n-nies tiegħu

Jikteb Olaf McKay - Sindku tal-Belt Valletta

Aqra wkoll

Il-Belt Valletta hija belt unika, rikka fl-istorja, fil-kultura u fl-identità tagħha, li ta’ kuljum tilqa’ eluf ta’ residenti, ħaddiema u viżitaturi minn madwar id-dinja. Sabiex din l-esperjenza tibqa’ waħda pożittiva u sostenibbli, huwa essenzjali li jkun hemm bilanċ bejn l-ospitalità li dejjem ikkaratterizzat lil Malta u r-rispett lejn il-komunitajiet, l-ispazji pubbliċi u l-karattru tal-lokalitajiet tagħna. Miżuri li jsaħħu l-ordni u r-responsabbiltà huma parti minn dan l-impenn lejn Belt aktar sigura, aċċessibbli u ta’ kwalità għal kulħadd.

F’dan il-kuntest, kull miżura li ssaħħaħ ir-rispett lejn ir-regoli, l-ispazji komuni u l-komunitajiet tagħna għandha rwol importanti biex dan il-bilanċ jintlaħaq.

Nilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Gvern li jsaħħaħ is-sistema tal-multi fuq il-post fosthom ukoll permezz taż-żieda tal-multa minima minn €25 għal €50. Inizjattiva konkreta li qed twassal messaġġ ċar, fejn min jinsab f’pajjiżna huwa milqugħ, iżda għandu jirrispetta l-liġijiet, ir-residenti u l-ispazji pubbliċi tagħna.

Sistema effettiva bħal din tippermetti lill-awtoritajiet jaġixxu fil-pront kontra reati u kontravenzjonijiet. B’hekk jitnaqqas id-dewmien, tissaħħaħ ir-responsabbiltà u tingħata direzzjoni ċara li min jikser ir-regoli għandu jaffaċċja l-konsegwenzi ta’ għemilu.

Malta hija magħrufa għall-ospitalità tagħha. It-turiżmu minn dejjem kien, u għadu, wieħed mill-pilastri ta’ pajjiżna. Aħna nilqgħu lil min jiġi jżurna u rridu li kull viżitatur igawdi s-sbuħija, il-kultura u l-identità tagħna. Iżda huwa daqstant importanti li min jiġi pajjiżna jirrispetta l-liġi, l-ordni u lir-residenti, ikun fejn ikun. Wara kollox, meta aħna nivvjaġġaw barra minn xtutna, nirrispettaw il-liġijiet u r-regoli tal-pajjiż li jilqagħna fih. L-istess rispett għandu japplika f’pajjiżna.

It-turiżmu tal-lum evolva. M’għadux biss dwar żjara f’post partikolari, iżda dwar esperjenza sħiħa li tinkludi l-ikel, it-tradizzjonijiet, il-festi tagħna, l-identità ta’ poplu u l-qalb ta’ dan il-pajjiż. Dan huwa t-turiżmu kulturali, il-valur miżjud tat-turiżmu Malti, esperjenza awtentika li tibqa’ fil-memorja tal-viżitatur u tħalli impatt pożittiv fuqu anke wara li jirritorna lejn pajjiżu.

Miżuri effettivi u immedjati bħal dawn huma importanti ħafna, speċjalment f’żoni turistiċi frekwentati minn għadd kbir ta’ viżitaturi. Bħala Sindku tal-Belt Kapitali, belt li ta’ kuljum tilqa’ eluf ta’ turisti, nifhem kemm huwa essenzjali li jkun hemm infurzar b’saħħtu, viżibbli u fil-pront. Irridu nassiguraw li r-regoli jiġu rispettati, li jinżammu l-ordni u l-indafa, u li l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tibqa’ dejjem protetta, fejn ir-resident għandu dejjem ikun fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu.

F’dan ir-rigward, ninsab f’kuntatt frekwenti mal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, mal-Korp tal-Pulizija, mal-Pulizija tal-Komunità u mal-entitajiet kollha responsabbli mill-infurzar. L-għan tagħna huwa wieħed: li jkun hemm koordinazzjoni aħjar, preżenza aktar viżibbli u azzjoni fil-pront fejn ikun hemm l-abbuż. 

Dan jirrikjedi wkoll ħidma koordinata bejn il-Gvern, l-awtoritajiet kompetenti u l-komunitajiet lokali. L-awtoritajiet u l-entitajiet konċernati għandhom dejjem ifittxu li jaħdmu id f’id, b’koordinazzjoni ċara u mhux b’mod frammentat. Meta l-istituzzjonijiet jisimgħu lill-komunitajiet u jaħdmu flimkien, ikunu jistgħu jitwettqu soluzzjonijiet aktar effettivi u sostenibbli.

Din hija t-tip ta’ politika li n-nies jistennew, politika li tisma’, tiddiskuti u twettaq. Infurzar serju jipproteġi lill-komunità, isaħħaħ is-sigurtà u jgħinna nżommu l-komunitajiet tagħna aktar siguri u aċċessibbli.

Din il-miżura tal-`on the spot fines` m’għandhiex titqies bħala waħda li tbiegħed it-turiżmu, u lanqas għandha tkun inizjattiva iżolata. Għandha tkun parti minn katina usa’ ta’ miżuri koordinati li flimkien isaħħu l-ordni, ir-rispett u l-kwalità tal-esperjenza turistika.

Dan huwa pass importanti lejn mudell turistiku ta’ kwalità, mudell li jkompli jsaħħaħ l-ekonomija tagħna, iħares l-identità u l-karattru tal-lokalitajiet, u fuq kollox joħloq bilanċ ġust bejn il-ħtiġijiet tal-viżitaturi u l-ġid tal-komunitajiet li jilqgħuhom. Ta’ kuljum, bħala Sindku, irrid nassigura bilanċ ġust bejn Belt dinamika u ħajja kif ukoll il-ħtiġijiet tar-residenti tagħna. Għax ir-residenti huma l-qalb tal-Belt Valletta u dawk li jagħtuha l-identità, il-karattru u l-ħajja tagħha.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport