Għalkemm hi l-iżgħar Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, Malta ilha tespandi l-aċċess għal servizzi pubbliċi tal-IVF b’xejn mill-2013. Dan jinkludi t-trattament għal nisa waħedhom u koppji tal-istess sess, l-introduzzjoni tal-iffriżar tal-embrijuni, l-għoti ta’ mediċini u benefiċċji ta’ leave lill-dawk li jagħmlu użu minn dan is-servizz, u issa l-introduzzjoni tal-PGT-M, hekk kif tkellem ukoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg. Dan huwa test iddiżinjat biex jgħin lill-ġenituri prospettivi jipprevjenu t-trażmissjoni ta’ ċerti kundizzjonijiet serji ereditarji. Dan kollu għamilnieh minkejja l-oppożizzjoni qawwija li sibna kontra dawn l-inizjattivi, kemm fil-Parlament kif ukoll barra mill-Parlament.
Matul intervent pubbliku riċenti, iddiskutejt li minkejja li dawn ir-riformi jistgħu jaffettwaw gruppi relattivament żgħar u kultant anqas evidenti, it-talbiet tagħhom xorta waħda huma kruċjali. Dan ifisser li l-Gvern Laburista mhux jagħti widen biss lill-bżonnijiet tal-massa, iżda wkoll il-bżonnijiet ta’ individwi u gruppi żgħar ta’ nies. B’hekk, kull individwu jħossu apprezzat u milqugħ fis-soċjetà tagħna.
Il-promozzjoni tad-drittijiet ta’ gruppi żgħar, bħal individwi li għandhom bżonn it-trattament tal-IVF, hija pilastru fundamentali ta’ soċjetà tassew inklussiva. Il-progress soċjali qatt m’għandu jkun logħba tan-numri. Meta l-politiki jimmiraw biss lejn il-maġġoranza, il-minoranza vulnerabbli jitħallew lura, u dan ikompli jżid l-inugwaljanza. Għal ġenituri prospettivi li jiffaċċjaw sfidi tal-fertilità, l-aċċess għall-kura tas-saħħa riproduttiva mhuwiex lussu.
L-ugwaljanza vera tirrikjedi li l-gvernijiet jisimgħu b’mod attiv lil dawn il-vuċijiet li spiss ma jinstemgħux, u jħarsu lil’ hinn mill-medji statistiċi. L-għoti ta’ servizzi tal-IVF komprensivi u ffinanzjati mill-istat jiżgura li l-ostakli finanzjarji, l-istatus tar-relazzjoni, jew l-orjentazzjoni sesswali ma jiddettawx il-kapaċità ta’ xi ħadd li jsir ġenitur. Billi testendi protezzjonijiet legali robusti u aċċess għall-kura tas-saħħa pubblika lil gruppi żgħar, is-soċjetà tkun qed timxi lejn il-prinċipju demokratiku ewlieni li kull individwu huwa ċentrali għas-sistema. Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranza fl-aħħar mill-aħħar issaħħaħ it-tessut soċjali għal kulħadd.
Huwa impossibbli li toħloq politika soċjali tajba b’mod remot, u din hi r-raġuni ewlenija għaliex irridu nibqgħu f’kuntatt mas-soċjetà, nagħtu attenzjoni partikolari lin-nies li leħinhom mhux dejjem ikun l-iktar qawwi, u nifhmu r-realtajiet li jinħbew wara n-numri. Kull ħajja hi importanti, u kull persuna u familja għandhom jiġu rikonoxxuti.
Il-liġijiet ma jistgħux jinkitbu minn nies maqtugħin mis-soċjetà, jew abbażi ta’ numri u statistika biss. Meta r-rappreżentanti tal-poplu jibqgħu f’kuntatt kontinwu mal-komunità, huma jifhmu aħjar l-isfidi ta’ kuljum li jiffaċċjaw il-familji, speċjalment dawk li m’għandhomx vuċi b’saħħitha. Il-preżenza kontinwa fost iċ-ċittadini trażżan l-inugwaljanza u tiżgura li l-ebda grupp ma jiġi injorat. Politika bbażata fuq l-empatija u l-esperjenzi reali twassal għal deċiżjonijiet aktar ġusti, effettivi u umani, li verament itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kull individwu f’pajjiżna.
Taħt diversi amministrazzjonijiet Laburisti, Malta mxiet ’il quddiem b’mod sinifikanti. Issa d-dmir tagħna hu li nkomplu mexjin ’il quddiem, bl-empatija, u bit-twemmin li l-ebda grupp mhu żgħir wisq biex ikun sinifikanti. Bħal m’għamilna fil-passat, irridu nagħmlu dan minkejja l-ostakli li se nsibu.
L-IVF joffri tama kbira billi jgħin lil koppji bi problemi ta’ fertilità, persuni waħedhom, u koppji tal-istess sess biex iwettqu l-ħolma li jsiru ġenituri. Fl-aħħar mill-aħħar, l-IVF iwessa’ l-kunċett ta’ familja u jġib ferħ kbir għal mijiet ta’ nies.


