Brian Bonniċi f’kunment iddikjara li “l-GWU sejħet laqgħa għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li nqabdu fis-sistema tal-appelli. Dil-laqgħa li ma kinitx miftuħa għal media dan minħabba d-delikatezza tas-suġġett. Kellna rispons qawwi, Nammetti żgur ma stennejtx li jkollna sala mimlija, anke jekk bosta minn dawn ġew mheddin biex ma jiġux speċjalment mill-aġenti u aġenziji qarrieqa jew sidien ta’ postijiet tax-xogħol bla sinsla mimlijin ħdura lejn dawn il-persuni.”
Tenna li “kont nemmen li hawn l-abbuz…. imma mhux daqshekk. Imissna nistħu li nħallu dan kollu jseħħ f’Malta Kattolika u Malta ħanina. Ma stajtx nemmem li kont qed nisma’ issummajt. Fil-verità irrealizzajt ukoll li għadni ma naf xejn dwar is-suġġett u dwar kemm hawn min għandu qalb xierfa. Din żgur mhux Malta li naf jien….kważi stħajt ngħid li jien Malti minħabba l-moqżiżati li smajt.”
Tifel bla identità
Kompla jgħid li “wieħed wieħed u mal-ħin dawk preżenti bdew iqumu u jaqsmu l-esperjenzi taghhom. Stejjer inkredibbli: omm imwerwra u b’qalbha maqsuma għax binha ta’ madwar 4 snin hu bla identità, ma jistax imur skola, ma jistax joħroġ barra, qed tħalih jgħix waħdu sakemm hi tmur għax-xogħol għax mhux rikonoxxut. Qed iqatta’ ħinu f’appartament ma’ oħrajn u jistaqsi mistoqsijiet li lanqas tistennihom min tfal tal-età tiegħu.”
Mietet ommu u ma jistax
mur jaraha
Hu ikompli jgħid li “ieħor mietet ommu dan il-lejl. Ma jistax imur jarahA u jtiha l-aħħar tislima minħabba dewmien u anomaliji mis-sistema qiegħed hawn u hu mmarkat bħala illegali meta kellu kollox legali meta nġieb f’Malta.”
Żagħżugħ tilef id-dawl għax ma
ngħatax kura
Jitkellem ukoll dwar esperjenza ta’ żagħażugħ. Iqum fil-wieqfa waqt il-laqgħa fejn seta’ jarah kulħadd. Dan iż-żagħżugħ tilen id-dawl minn għajn waħda għax ma tawhx kura mill-isptar għax ma kellux biex iħallas.
Żagħżugħ kważi tilef riġlejh
wara inċident
Esperjenza oħra ta’ qsim il-qalb kienet dik ta’ żagħżugħ li kważi tiller riġlejh wara inċident. Kien għaddej fuq xogħlu meta spiċċa f’inċident. Hu ma sabx appoġġ.
Nieś imbeżżgħa joħorġu fit-triq
Mil-laqgħa ħareġ ukoll il-biża li għandhom dawn il-ħaddiema. Brian Bonniċi jgħid li “rajna nies imbeżżgħa li kif ikunu fit-triq se jispiċċaw imwerwrin għax jaf jiġu deportati u dan mhux għax għamlu xi ħaġa ħażin jew wettqu xi att krimnali bħalma huma kriminali xi aġenti u xi sidien ta’ postijiet tax-xogħol imma għax ilhom tlett snin jistennew li jirregolarizzawlhom id-dokumenti u l-istatus tagħhom. Jaf minn dawn il-vittmi diġa’ ġew deportati xi wħud. Ikun aħjar li niddeportaw lil dawk fosthom barranin stess li qed isiru sinjuri minn fuq dahar il-fqir.”
Brian Bonniċi kompla jgħid li “smajna wkoll kif l-aġenziji u l-awtoritajiet responsabbli mhux iwieġbu għad-domanda u jħallu bosta minn dawn bla mqar ‘acknowlegment’. U kien hemm ħafna iżjed każi. Nistqarr tbikkimt. L-istatistika li smajna dan l-aħħar dwar it-traffikar uman hi ‘lboghod mir-realtà.
Sid ta’ post tax-xogħol jiġbed
l-ammirazzjoni…iqis ħaddiema daqs li kieku bintu
Brian Bonniċi jgħid li “għalkemm fuq nota pożittiva ammirajt sid ta’ postijiet tax-xogħol li gie jiddefendi impjegata tiegħu li wkoll inqabdet fix-xibka tal-burokrazija u li llum mhux biss baqa’ jgħinha imma kważi jqisha bħala bintu.”
Se nħarrxu l-ġlied
Hu jkompli jgħid “jien deċiż li wara din il-laqgħa se nibqgħu għaddejjin. Iva se nħarrxu l-ġlieda għall-ġustizzja għax dawn umani bħalna. Hemm bżonn li Identità u Jobs Plus ikunu iżjed proattivi u jwieġbu iżjed għad-domanda li għandhom. Nifhem ukoll li forsi mhux attrezzati biżżejjed. Naf li fost dawn hemm ħaddiema u staff dedikati wkoll, però din mhix skuża ġustifikabbli.
Hemm bżonn li dawk kollha konċernati mill-ogħla sal-iżgħar kariga responsabbli jiltaqgħu magħna ħalli nuruhom il-veru stampa u fuq kollox jisimghuna, jemmnuna u jibdew jaġixxu b’serjetà biex jindirizzaw. Hemm bzonn gwerra kontra aġenziji u aġenti foloz li qed jifqgħu lill-pajjiżna bil-ħaddiema barranin u studenti li qed iġibuhom hawn u jitfghuhom f’wied ta’ dmugħ u f’ċirku vizzjuz ta’ abbużi.”
Itenni li “hemm bzonn lil dawk li huma fuq appell jitranġawlhom immedjatament l-istatus tagħhom u nirregolarizzawhom fuq il-mudell li addotat Spanja, waqt li l-ewwel għandna nfornu s-suq bihom mhux inkunu kompliċi u nħallu lis-sistema terda’ liż-żgħir u lill-batut. Il-bieb għalissa jrid jitbexxaq mhux inħalluh miftuħ beraġ. Jien nemmen li jekk f’Malta għandna bżonn għall-argument 10,000 ħaddiem fis-suq (ċifra maħluqa minni għall-eżempju) bħalissa għandna 30,000. Dan qed jiġri billi wara sena nsallbu lil min ikun regolari (fosthom b’terminazzjonijiet foloz jew għax indejjquh fuq il-post tax-xogħol tiegħu biex anke nitfgħu fuqu multi li jġibuh joħroġ il-flus minn ġewwa) u nġibuh irregolari biex l-aġenziji u l-aġenti jġibu iżjed nies. Mhux ovvja matematika sempliċi.
Jekk aġent qed jitlob medja ta’ €10,000 (somma li tvarja bejn €7,000 u €15,000) …. x’jaqbillu mhux li wara sena jġib li dak li ġab qabel fi status irregolari biex iġib ieħor. Mela jekk hawn min ilu fl-appell tlett snin allura dak ifisser li aġent miżerjament flok €10,000 fi 3 snin ikun dahhal €30,000.”
Hemm bżonn tikber l-għajta favur
dawn il-ħaddiema
Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel, jiddikjara li “hemm bżonn li tikber l-għajta favur dawn il-persuni li wara kollox huma umani. Hawn nappella wkoll lill-Knisja biex ixxammar il-kmiem. Lill-barranin mhux biss irridu nintegrawhom u nippermettulhom jużaw il-knejjes tagħna jew jagħmlu l-festa tagħhom imma rridu nipproteġuhom. Bħala GWU lesti għal din il-kruċjata bħalma diġa għamilna fuq issues oħra bħal health and saftey, prekarjat u equal pay. Bħala union li tipproteġi liż-żgħir, bħala union xellugija, bħala union li tippromwovi l-ġustizzja soċjali l-GWU ma tistax tibqa’ siekta. F’isem it-Taqsima Ospitalità u Ikel qed inwiegħed appoġġ sħiħ u determinati li nużaw l-għodod u t-toroq kollha possibbli fejn bla ma nħarsu lejn l-ideali, l-uċuħ u t-twemmin, niġġieldu din il-ġlieda ukoll”.


