Friday, December 13, 2024

L-iskema tal-Wage Supplement estiża tal-aħħar għax-xahar ta’ Mejju – investiment ta’ €723 miljun

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-iskema tal-Wage Supplement li bdiet f’Marzu tal-2020, li kienet qed issostni l-intrapriżi Maltin matul iż-żmien kollu ta’ pandemija, se tiġi estiża għal darba oħra fil-forma li hija bħalissa għax-xahar ta’ Mejju. Dan se jkun l-aħħar darba li jingħata hekk kif pajjiżna issa qed iħalli l-pandemija warajh u bis-saħħa tar-rilaxx tal-miżuri li fadal in-negozji jistgħu joperaw lura b’mod normali.

Matul konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mil-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia ntqal li t-total ta’ flus li se jkunu ħarġu sal-aħħar ta’ Mejju se jkun ta’ €723 miljun.

Il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli rringrazzjat lill-imsieħba soċjali kollha fejn irrikonoxxiet li ilhom jitkellmu magħhom dawn ix-xhur kollha biex joħorġu bi skema li verament kienet qed tindirizza l-isfidi differenti li kienu qed jiltaqgħu magħhom.

Qalet li ftit aktar minn sentejn ilu pajjiżna, bħall-bqija tad-dinja ntlaqat minn xokk ekonomiku minħabba l-pandemija u li f’Marzu ta’ sentejn ilu l-prospetti kienu li jintilfu aktar minn 50,000 post tax-xogħol. 

“Ġbidna ħabel wieħed u żammejna l-ekonomija tal-pajjiż għaddeja fuq sisien sodi u bla dubju l-Wage Supplement jirrapreżenta l-għodda prinċipali li madwarha bdejna l-assistenza li kien hemm bżonn biex nassiguraw li nipproteġu l-impjiegi tal-ħaddiema u l-futur tal-kumpaniji Maltin u Għawdxin,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru qalet li permezz tal-Wage Supplement investew aktar minn €720 miljun biex jissalvagwardjaw l-impjiegi tal-ħaddiema u l-ekonomija tal-pajjiż. Hija sejħet dan bħala investiment u li kieku ma sarx kien se jiswa lill-ekonomija tagħna ħafna aktar f’telf ta’ impjiegi u f’termini ta’ tkabbir ekonomiku. Illum il-ġurnata għandna ekonomija li mhux qed tirkupra iżda li saħansitra qed tikber bl-ogħla rata fl-Ewropa kollha.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li l-ammont li l-Gvern poġġa fuq dawn l-iskemi kienu fondi sostanzjali ħafna, l-ikbar skema biex tassisti n-negozji fl-istorja tal-pajjiż. 

Qal li kien hemm żewġ fatturi prinċipali – ħidma biex l-ekonomija tibqa’ għaddeja minkejja li n-negozju kien għal ħafna żmien magħluq u żammew il-qagħad mod stabbli tant li r-rata tiegħu huwa fl-inqas livelli fl-istorja tal-pajjiż. 

Farrugia qal li matul dawn is-26 xhur  kien hemm 120,000 impjegat li ħa xi forma jew oħra ta’ Wage Supplement. 

Kien hemm 71% li kienu impjegati ta’ kumpaniji, 25% self employed u 4% li kienu taħt dawk li jissejħu un/registered partnerships, VOs u korporattivi.

Kien hemm madwar 17,000 ta’ applikazzjonijiet li ġew approvati fejn 70% minnhom kienu persuni self-employed.

Ekonomija

Sport