Saturday, December 28, 2024

“L-iskop ewlieni jibqa’ l-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur”

- Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi dwar l-Abbozz ta’ Liġi li se jwassal għat-twaqqif ta’ Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għan ewlieni tal-Liġi dwar l-Aġenzija tas-Suq tal-Proprjetà huwa li tingħata protezzjoni sħiħa għad-drittijiet tal-konsumatur meta jkunu qed isiru tranżazzjonijiet tal-proprjetà.

Dan stqarru l-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi meta kien qed jitkellem fil-Parlament fl-istadju tat-Tieni Qari dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà li għadda minn dan l-istadju fis-seduta tat-Tnejn.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li meta nitkellmu dwar dan il-qasam mhux bħal meta konsumatur imur jonfoq €500 fridge imma fuq tranżazzjoni li aktarx mhux se jkun għamel oħra bħalha f’ħajtu u li minħabba fiha aktarx li se jieħu self li jibqa’ jħallas għall-bqija ta’ ħajtu.

Għadaqstant, dawk li jkunu qed jagħmluha ta’ intermedjarju fi tranzazzjonijiet bħal dawn, iridu jkunu nies tal-affari tagħhom u li jgħinu lin-nies bis-serjetà u b’mod korrett u etiku.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega kif din l-Aġenzija se titwieled wara l-esperjenza tal-liġi li kellna s’issa bil-Unit li kien twaqqaf u li sal-lum huwa responsabbli mil-liċenzjar tal-aġenti tal-proprjetà.

Saret analiżi tax-xogħol li qed jagħmel dan il-Unit u nħasset il-ħtieġa ta’ aġġornament u aktar kjarezza dwar dan il-qasam. Il-Gvern ħa d-deċiżjoni li waslet il-ħtieġa ta’ liġi li tirregola dwar min jista’ jkun aġent tal-proprjetà, xi kwalitajiet għandu jkollu, u x’tip ta’ regolamentazzjoni hemm bżonn biex dawn ikunu regolati.

Il-liġi l-ġdida trid tagħti struttura aktar ċara lir-regolatur ta’ dan il-qasam. Huwa saħaq li il-liġi trid tagħti s-serħan il-moħħ lill-konsumatur li min qed jippreżenta ruħu biex jagħti s-servizz ta’ aġent tal-proprjetà huwa mħarreġ biżżejjed u li għandu xi forma ta’ ċertifikazzjoni mill-istat li huwa mħarreġ biżżejjed u li huwa kompetenti biżżejjed biex jagħmel dak ix-xogħol.

B’din il-liġi, saħaq il-Ministru Zrinzo Azzopardi, qed ikompli jiġi ċċarat dak li kien ġie introdott bil-liġi preċedenti li waqfet il-Unit responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà. Bid-data li nġabret sa issa u bis-sorveljanza tas-settur, ir-regolatur se jkun jista’ jinforza l-liġi u jara min suppost jopera dan il-qasam u min mhux suppost jopera, jbati l-konsegwenzi.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem ukoll li fil-qasam tat-tranzazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli hemm bżonn li jkomplu jiġu aġġornati is-sistemi kollha li jidħlu f’dan il-qasam. Bħala eżempju huwa semma ir-Reġistru tal-Artijiet li għadu ma żviluppax biżżejjed biex iwassal għal aktar effiċjenza f’dan is-settur.

Il-Ministeru tal-Artijiet qed iħares lejn l-operat ta’ dan ir-Reġistru, jara x’liġijiet hemm bżonn jiġu aġġornati u x’tip ta’ investiment sar u qed isir fit-teknoloġija tal-informatika u affarijiet oħra li jistgħu jagħmlu l-proċessi aktar diġitali.

“Irridu naslu fil-punt li l-proprjetà kollha tkun reġistrata u mhux bis-sistema tar-riċerki. Jeħtieġ bidla radikali bi strateġija, b’viżjoni, b’dati ċari u b’kunsens mill-aktar wiesgħa, saħaq il-Ministru. Għal dan il-għan inbdew diskussjonijiet b’mod partikolari mal-Kunsill Notorali u ‘l quddiem anke mal-Kamra tal-Periti biex eventwalment din il-bidla sseħħ.”

L-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Aġenzija dwar is-suq tal-Proprjetà tressqet fil-Parlament mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard. Id-diskussjoni issa tkompli fl-istadju ta’ Kumitat mill-Kumitat għall-Konsiderazzjoni tal-Abbozzi tal-Liġijiet.

Ekonomija

Sport