L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia fis-seduta tal-lejla widdeb mill-ġdid lid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina biex ma jkomplix jinterrompih.
Dan seħħ meta l-Ispeaker kien qiegħed iwieġeb punt tad-Deputat Mark Anthony Sammut dwar ruling li ta f’seduta oħra
Waqt li l-Ispeaker kien qiegħed jitkellem, id-Deputat Karol Aquilina beda jinterrompi, u kien hawn lil Dr Farrugia qallu biex jieqaf għax ma kienx qiegħed jindirizza lilu. Kien hawn li Aquilina wieġbu li jekk irid ikeċċih bil-Pulizija.
Intant fi stqarrija l-Partit Laburista qal li mill-ġdid jikkundanna l-aġir aggressiv u arroganti li għal darba oħra wriet l-Oppożizzjoni fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Illejla, il-Kap de facto tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina reġa’ sfratta s-seduta Parlamentari bl-għajjat u t-tisbit tiegħu li issa sar sinonimu mat-tmexxija tal-Oppożizzjoni fil-Parlament.
Meta s-Sedja talbu biex ma jkomplix jinterrompi, Aquilina wieġeb lill-Ispeaker li jista’ joħorġu biss mill-Kamra tad-Deputati jekk iġiblu l-Pulizija (filmat fil-ħolqa iktar ‘l isfel).
Fl-istess seduta, id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut iddikjara, kif kien diġà għamel Karol Aquilina, li dan huwa Gvern li joqtol lin-nies. Mitlub jissostanzja din l-allegazzjoni serja, Sammut qal li m’għandux li l-karti fuqu (filmat fil-ħolqa iktar ‘l isfel).
Il-Partit Laburista jerġa’ jitlob lil Bernard Grech biex jikkundanna dan id-diskors insensat kif ukoll l-attakk ġdid fuq is-Sedja li seħħ illejla fil-Parlament.
Il-poplu Malti u Għawdxi se jkompli jistmerr il-politika tal-firda u l-mibegħda tal-Partit Nazzjonalista li issa laħqet l-agħar forma tagħha.