Saturday, December 21, 2024

L-istabbilimenti tal-ikel u l-lukandi kollha fil-Belt Valletta mimlijin sa ruħ ommhom sal-aħħar tas-sena

-   Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef

Aqra wkoll

Kuljum minn filgħodu sa tard bil-lejl, il-Belt Valletta qed tkun miżgħuda bin-nies jitpaxxew u jieħdu gost b’dak li ppreparat l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal dan l-akbar Milied fil-kapitali ġojjel ta’ pajjiżna.

F’dan iż-żmien aktar minn żminijiet oħra, il-Belt Valletta tkun mimlija briju b’avvenimenti u tiżjin li joħolqu sens ta’ ferħ u għaxqa fin-nies li jżuruha. Tibda mid-daħla tal-kapitali, biex inkun preċiż fi Pjazza Tritoni fejn issib atmosferma maġika li ġġib magħha l-Fairyland, attrazzjoni speċjali ħafna grazzi għal Visitmalta.

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li tagħha jien Chairman imbagħad, investiet nofs miljun ewro fejn qed ittella’ wieħed mill-akbar programmi ta’ attivitajiet tal-Milied fil-Belt Valletta li beda bil-mixgħela tas-siġra tal-Milied quddiem il-Parlament u tad-dwal fit-toroq ewlenin fl-24 ta’ Novembru u se jibqa’ għaddej sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Din is-sena l-programm tal-Milied se jkun iffokat fuq attivitajiet ta’ briju u oħrajn li jevokaw sens ta’ paċi u li jfakkru l-qofol ta’ dawn iż-żminijiet, b’mod speċjali l-purċissjoni tradizzjonali u tant għażiża għalina l-Maltin ta’ Ġesù Bambin. 

Biswit il-Kon Katidral ta’ San Ġwann erġajna wkoll armajna l-presepju tradizzjonali. Hekk kif l-istess għamilna fil-Milied li għadda, anke din is-sena ħsibna li nwasslu l-messaġġ ta’ paċi fl-Art Imqaddsa, u b’mod partikolari b’solidarjetà ma’ ħutna kollha fil-Palestina, li ilhom is-snin taħt assedju bla waqfien bil-qtil tal-innoċenti, inkluż mijiet ta’ trabi u tfal. Għalhekk San Ġużepp u l-Madonna, li t-tnejn kienu mill-Palestina, dis-sena lebsin il-“keffiyeh” l-iscarf simbolu tas-solidarjetà, tal-libertà, u tal-ħelsien.

Fost l-attivitajiet li se nkunu qed intellgħu tul dan iż-żmien imbagħad, se jkun hemm korijiet u kunċerti mużikali minn gruppi u kantanti popolari li jinkludu Chiara, Jason Xuereb, Janvil, Riona, Rachel Fabri, Veronique Vella, Franklin, Sean Borg, Centerstage Choir, u Cappella Musicale Caeciliana, se jkun hemm ukoll buskers, street entertainers, workshop għat-tfal fil-Valletta Design Cluster, prestazzjoni taż-żfin li tinkorpora madwar 50 żeffien minn Dancel Dance Studio bis-sehem ta’ Ludwig Galea quddiem il-Parlament u oħrajn. Il-programm imbagħad se jkun qed jagħlaq bl-avveniment tal-aħħar tas-sena, l-akbar avveniment ta’ din ix-xorta f’pajjiżna li se jkun qed jerġa’ jsir fi Pjazza San Ġorġ u d-dħul għalih se jerġa’ jkun bla ħlas.

Il-Milied fil-Belt Valletta għalhekk ma huwa xejn għajr ċelebrazzjoni ta’ poplu wieħed li jingħaqad flimkien f’dan iż-żmien tant sabiħ bis-saħħa ta’ programm mill-isbaħ imtella’ mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Programm li se jkompli jwassal għal aktar riġenerazzjoni soċjali, kulturali u ekonomika fil-belt kapitali tagħna. Dan għaliex bis-saħħa tiegħu t-turisti u l-Maltin qed iżuru iżjed il-Belt, qed jintegraw u jieħdu gost flimkien filwaqt li jammiraw dan il-wirt kulturali mill-isbaħ u l-lukandi u l-istabbilimenti tal-ikel fil-Belt jinsabu kollha mimlijin sa ruħ ommhom.

Għalkemm hemm xi ftit li qed jippruvaw jikkoordinaw attakk taħt kull skuża biex inaffru u jħassru mingħalihom l-attivitajiet u l-atmosfera tal-Milied fil-Belt Valletta, in-nies qed tagħmilha ċara li f’dan iż-żmien imħabba u ferħ trid tara u mhux mibgħeda. Inħeġġeġ għalhekk li dawk kollha ta’ rieda tajba biex jibqgħu jżuru l-Belt Valletta sabiex flimkien mal-għeżież tagħhom igawdu din l-atmosfera mill-isbaħ.

Minn qalbi nixtieq nawgura lill-qarrejja kollha ta’ It-Torċa u lill-għeżież tagħkom Milied hieni, mimli ferħ, paċi u għaqda.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport