Neħtieġu proġett nazzjonali (imbiegħed minn kull indħil politiku u minn kull preġudizzju) biex tinkiteb storja ta’ Malta matul l-aħħar 400/500 sena mhux biss fis-sens ta’ min kien jikkmanda u minn kien jinvadi. Aktar minn hekk: storja li tidħol fil-ħsus ta’ min kien imexxi (ġeneralment barranin) u min kien “jgħix ħajtu”. Il-firxa tar-rakkont storiku trid taqbad kemm il-fili ġeo-strateġiċi li kienu jsammru l-mod kif il-ħajja f’dil-gżira ingħexet, u l-kondizzjonijiet soċjo-ekonmiċi tal-popolazzjoni.
Sal-lum, din il-ġrajja ġiet ittrattata episodikament. Allura ma setgħetx tirrifletti l-lanja li biha l-kondizzjonijiet ta’ għajxien żviluppaw. Jew saret b’mod anedottiku, li għandu l-interess tiegħu. Imma jtellef mis-sens ta’ kontinwità fil-ħajja, bit-tlugħ u bl-inżul ta’ kull proċess storiku.
It-talenti ta’ riċerka u kitba storika jinsabu fostna, bil-kbir. L-interess ukoll. Li jonqos hu xi xrara organizzattiva li tiġi mill-istat jew mill-fora akkademiċi biex jinbnew ir-riżorsi meħtieġa biex proġett hekk jitwaqqaf. Xi darba se jsir. Għalissa jidher li għadna lura milli tinħass biżżejjed ħerqa politika u akkademika biex jintieda.
INTELLIĠENZA ARTIFIĊJALI
Wieħed jaqra u jisma’ artikli u pariri tal-aqwa interess minn esperti fl-intelliġenza artifiċjali. Dwar kemm hi ta’ ġid u dwar kemm tista’ tagħmel ħsara. Dwar kemm ittejbilna l-ħila tagħna biex nipproċessaw it-tagħrif li jaslilna u kemm hi ħażina jekk użata ħażin biex nifhmu l-informazzjoni li taslilna.
Jien nikkonkludi li ħadd ma jaf eżatt sa fejn dan l-avvanz teknoloġiku (niddubita kemm tista’ ssejjaħlu skoperta!) – jista’ jwassalna. L-aqwa li kulħadd qed jinvesti fih… u għalhekk, kulħadd qed ikollu kull interess ifaħħar kemm hu bżonnjuż.
Forsi nesaġera meta ngħid kulħadd! Imma dawk li jwissuna dwar x’jista’ jiġri bl-użu sfrenat tal-intelliġenza artifiċjali donnhom mhumiex ċerti li qed ibassru l-futur b’mod affidabbli.
L-ISTATI UNITI
X’inhu jiġi fl-Istati Uniti – pajjiż li jibqa’ fost l-aktar importanti u li personalment, bqajt tul ħajti b’ammirazzjoni u gratitudni lejh? Veru li matul is-snin li ilu jeżisti ġie mibni fuq kuntradizzjonijiet enormi – l-istqarrija tal-libertà għal kull individwu u l-iskavjitu – l-opportunità għal kulħadd biex jistagħna u l-agħar livelli ta’ faqar – il-ħelsien nazzjonali għall-ġnus u l-aqwa gwerer kontra l-anti-kolonjalisti…
Minkejja fihom, l-Istati Uniti baqgħu dawl fil-għoli għal min kien jemmen li l-futur tista’ tibnih b’mod aħjar għall-ġnus kollha…
Imma llum, waqt li l-Istati Uniti mill-ġdid kienu qed jagħmlu kisba enormi bil-missjoni spazjali tagħhom lejn il-qamar, dan kollu spiċċa mitfi fl-aħbarijiet mill-paprati qattiela u grotteski tal-President Amerikan attwali bil-gwerer li kebbes fil-Lvant Nofshani, qisu qed jipparteċipa fil-kampjonati tar-wrestling li jiddeletta bihom.

