Saturday, December 28, 2024

L-istudenti se jidħlu u joħorġu f’ħinijiet differenti

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-tfal li jattendu l-iskejjel se jkunu mistennija jidħlu u joħorġu f’ħinijiet differenti skont il-livell tal-klassi biex kemm jista’ jkun jonqos l-ammont ta’ studenti li jinġabru f’ħin wieħed.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Frank Fabri irrimarka li għall-ftuħ tas-sena skolastika ġdida se jieħdu madwar 50 miżura bl-ewwel miżuri jibdew mill-grada tal-iskola.

Huwa u jitkellem ġo vidjow li ttella’ fuq is-sit Edukazzjoni fuq Facebook, Fabri qal li biex persuna tgħaddi mill-grada tal-iskola trid tkun awtorizzata kemm jekk għalliema, studenti u staff.

Fabri appella lill-ġenituri biex jikkoperaw u minbarra li jwasslu lill-istudenti sal-grada jaraw li jżommu d-distanza soċjali u jafdaw lil uliedhom għand l-edukaturi.

Huwa żied li l-awtoritajiet edukattivi ħadu ħsieb biex id-dħul u l-ħruġ tat-tfal fl-iskejjel u mill-iskejjel, kif ukoll il-ħinijiet tal-brejk, kull skola tieħu ħsieb li tqassamhom biex ma jaħbtux kollha flimkien ħalli t-tfal ma jitħalltux.

Tabella mal-grada tal-iskola li kien hemm warajh kienet turi li fiha t-tfal tas-Sitt Klassi kellhom jidħlu fit-8.00 a.m. u joħorġu fis-2.00, dawk fil-Ħames Klassi mit-8.05 a.m. sas-2.05 p.m., tar-Raba’ Klassi bejn it-8.10 a.m. u s-2.10 p.m., it-Tielet Klassi bejn it-8.15 a.m. u s-2.15 p.m., tat-Tieni Klassi bejn it-8.20 a.m. u s-2.20 p.m. waqt li tal-Ewwel Klassi bejn it-8.25 a.m. u s-2.25 a.m.

Ekonomija

Sport