Friday, April 19, 2024

L-Oppożizzjoni titlob għal dibattitu urġenti dwar l-aġir tal-Ispeaker

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ressaq mozzjoni sabiex fil-Parlament ikun diskuss b’mod urġenti l-aġir tal-Ispeaker Anġlu Farrugia. Grech saħaq li l-Kamra tar-Rappreżentanti f’kull ħin u ċirkostanza għandha tkun ippreseduta minn persuna li jkollha attitudni u mġiba imparzjali u indipendenti. 

Il-mozzjoni tgħid li “l-Ispeaker permezz ta’ ittra mibgħuta f’ismu mill-Avukat ta’ fiduċja tiegħu lil Matthew Caruana Galizia minn jeddu stqarr li huwa qiegħed fil-kariga kostituzzjonali tiegħu sabiex jiddefendi l-interessi tal-Gvern u konsegwentement iddikjara ruħu mux imparzjali.”

Tgħid ukoll li “l-Ispeaker b’deċiżjonijiet meħuda minnu dwar każijiet investigati mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u li fihom kien hemm sejbien ta’ ksur ta’ kodiċi tal-etika minn membri tal-Kamra għażel li b’vot deċiżiv tiegħu u b’rulings mogħtija minnu jxekkel jew saħansitra jrendi bħala inutli l-ħidma tal-istess Kummissarju u tal-Kumitat Permanenti dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.” 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tenna li fid-dawl ta’ dan kollu kien qed jipproponi l-aġġornament tal-Kamra sabiex tiddiskuti dik li fi kliemu hi “materja definita ta’ importanza pubblika u nazzjonali u urġenti.”

Min-naħa tiegħu, l-Ispeaker qal li billi l-mozzjoni kienet tikkonċerna lilu, ma jħossx li hu kellu jiddeċiedi fuq din it-talba u rrikuża ruħu biex ħadet il-presidenza f’dawn iċ-ċirkostanzi id-Deputat Speaker (Claudette Buttigieg).

Il-Whip tal-Gvern Glen Bedingfield qal li l-Gvern innota l-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni u stqarr li din ma tissodisfax it-tliett rekwiżiti ta’ standing order 13 b’mod partikolari l-urġenza. “L-Oppożizzjoni li kieku kienet titratta xi ħaġa urġenti, xi ħaġa li ġrat nhar it-Tlieta, ma kinitx tistenna sat-Tnejn ta’ wara biex tressaqha b’urġenza, kienet tressaqha jew fis-seduta tat-Tlieta filgħaxija stess jew fis-seduta tal-Erbgħa, l-ewwel okkażjoni li jkun ġara l-akkadut. Naturalment ma tissodisfax ir-rekwiżiti però noqogħdu għar-ruling li se tagħti fuq dan il-każ,” qal Bedingfield.

Min-naħa tiegħu, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li: “l-Oppożizzjoni jidhrilna li għandna nibqgħu nsostnu t-talba tagħna u għalhekk nitolbu ruling min-naħa tiegħek (Deputat Speaker).”

Is-seduta tinsab sospiża sakemm id-Deputat Speaker tagħti d-deċiżjoni tagħha.

Sport