Sunday, May 5, 2024

Lejn aktar koperazzjoni f’oqsma ekonomiċi emerġenti

Il-Prim Ministru Abela f’laqgħa mal-Kanċillier Ġermaniż Scholz f’Berlin

Aqra wkoll

“Malta u l-Ġermanja għandhom fejn isaħħu l-koperazzjoni b’saħħitha li diġà teżisti bil-lum il-ġurnata l-Ġermanja hi l-akbar sieħeb kummerċjali għal Malta b’żieda qawwija fl-esportazzjoni u l-importazzjoni f’dan l-aħħar deċennju.” Kien dan is-sentiment li wassal il-Prim Ministru Robert Abela wara laqgħa li kellu mal-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz f’Berlin.

F’kummenti lil midja preżenti fil-Kanċellerija fil-kapitali Ġermaniża wara l-laqgħa mal-Kanċillier Scholz, il-Prim Ministru Robert Abela fisser kif Malta u l-Ġermanja għandhom interessi komuni li jwasslu biex iż-żewġ pajjiżi jżidu l-koperazzjoni tagħhom fosthom f’oqsma ekonomiċi. Hawn issemmew il-manifattura b’operat iżjed innovattiv u teknoloġiku, il-farmaċewtika, is-servizzi finanzjarji u l-avjazzjoni. Dan kollu b’direzzjoni ċara favur investiment li jkun iżjed ħabib tal-ambjent u li joħloq karrieri ta’ kwalità għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Il-konnettività kien punt importanti fid-diskussjonijiet, b’Malta tirrimarka li bejn iż-żewġ pajjiżi se jibqa’ jkun hemm konnettività soda b’linja tal-ajru nazzjonali b’saħħitha li tibda taħdem minn Marzu li ġej. Id-diskussjonijiet f’Berlin kienu wkoll dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, b’Malta taċċenna fuq il-prevenzjoni tal-wasliet u l-ġlieda kontra t-traffikar uman. Malta rrimarkat ukoll dwar il-ħtieġa li mhux biżżejjed li jiġu interrotti l-attivitajiet illegali tat-traffikanti tal-bnedmin iżda għandu jkun sforz kollettiv biex it-traffikanti jwieġbu għal għemilhom quddiem il-ġustizzja.

Fit-taħditiet mal-Kanċillier tal-Ġermanja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq dwar it-tisħiħ ta’ djalogu u appoġġ lejn pajjiżi oħra fil-Mediterran bħal ma huma l-Libja u t-Tuneżija. Iż-żewġ mexxejja ddiskutew ukoll is-sigurtà tal-klima u l-irwol ta’ Malta b’siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Hawn intqal li quddiem sfidi globali, Malta tkompli twassal vuċi b’saħħitha favur il-paċi. “Il-fatt li pajjiżna laqa’ laqgħa internazzjonali ta’ livell għoli biex tinstab il-paċi fl-Ukrajna, imsejħa Ukraine Peace Formula, u r-riżoluzzjoni imbuttata minn Malta addottata mill-Kunsill tas-Sigurtà jkomplu juru l-impenn ta’ pajjiżna għall-paċi f’reġjuni differenti,” irrimarka l-Prim Ministru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata wkoll mill-Kanċillier Scholz.

Iż-żewġ mexxejja tkellmu wkoll dwar is-settur tal-enerġija u lejn anki qalba ambjentali f’dan il-qasam. Hawn issemmiet l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni u koperazzjoni strateġika f’reġjuni differenti, bħal dak li qed tagħmel Malta biex il-Mediterran isir ċentru ta’ enerġija nadifa.

F’Berlin, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ġermanja Vanni Xuereb, u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.

Sport