Sunday, December 22, 2024

“Liġi maħsuba biex ma tikkastigax lin-nies għal għomorhom”

Tgħid dan il-Ministru Miriam Dalli dwar il-liġi l-ġdida tal-kannabis kif proposta mill-Gvern

Aqra wkoll

“Din il-liġi hi maħsuba biex ma tikkastigax lin-nies għal għomorhom. Hi liġi ħanina ma dak iż-żagħżugħ jew dik iż-żagħżugħa li nqabad jew inqabdet tpejjep joint. Għalhekk nemmen li hi bidla responsabbli mmexxija minn min ma jridx jikkastiga lin-nies għal ħajjithom.” 

Qalet dan il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli waqt id-diskussjoni parlamentari dwar ir-riforma proposta fil-liġi tal-kannabis. Riforma li fi kliemha se tnaqqas l-istigma soċjali u tnaqqas it-tbatija li ħafna persuni li jużaw il-kannabis għaddew minnha meta ġew sottomessi għal proċeduri ta’ arrest jew proċeduri ġudizzjarji fuq ammonti żgħar.

Il-Ministru Dalli semmiet kif fl-aħħar jiem bdew iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni u ħsiebha jmur fuq dawk il-gradwati li jista’ jkun li fl-imgħoddi minħabba użu personali jew pussess żgħir tal-kannabis spiċċaw bil-kondotta mċappsa.

Enfasizzat li: “meta dawn jiġu biex issa jmorru jaħdmu maċ-ċertifikat tal-Università jridu jippreżentaw kondotta mhux nadifa. Dan biex nagħti eżempju wieħed. Allura mhix għaqlija din il-liġi li taħseb biex ma jkollniex persuni oħra li jispiċċaw fl-istess ċirkostanza? Jew inkella persuni li permezz ta’ din il-liġi nindirizzaw il-każ tagħhom li għaddew minn xi ċirkostanza simili u ngħinuhom biex inaddfu l-kondotta tagħhom?.” 

Il-Ministru Miriam Dalli saħqet ukoll li hija temmen fl-opportunità li persuna għandu jingħata sabiex jirriforma u li min huwa ġenwin m’għandux jispiċċa kkastigat għal dejjem.

Ekonomija

Sport