Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, qal li l-inċident serju li fih uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija ndarab waqt il-qadi ta’ dmirijietu għandu jservi bħala tfakkira li s-sigurtà u r-rispett lejn il-liġi għandhom jibqgħu prijorità assoluta f’pajjiżna.
Il-Ministru qal dan waqt li kien qed jindirizza seminar organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Kolletturi tal-Armi (AMACS), fl-okkażjoni tal-20 anniversarju mill-introduzzjoni tal-Att dwar l-Armi.
Fil-bidu tal-indirizz tiegħu, il-Ministru Bedingfield tkellem b’emozzjoni dwar l-inċident li seħħ il-ġurnata ta’ qabel, li ħalla uffiċjal tal-Pulizija ferut serjament u rikoverat l-isptar. “Ilbieraħ kellna kollegi tagħna li marru għax-xogħol bħal kull jum ieħor. Marru jagħtu sehemhom biex jaqdu dmirhom u jipproteġu lis-soċjetà. Wieħed minnhom spiċċa l-isptar, jiġġieled għal ħajtu,” qal il-Ministru.
Huwa rrakkonta kif il-ġurnata ta’ qabel żar lill-uffiċjal l-isptar u ltaqa’ mal-familjari tiegħu. “Ilbieraħ mort l-isptar u ħassejtni niċċekken quddiem qraba li għadhom ma jafux x’se jiġri minn binhom, minn żewġhom, minn ħuhom. Ma flaħtx inlissen kelma, ma flaħtx ngħid xejn, għax quddiem dak id-dwejjaq, il-kliem ftit li xejn jagħmel sens,” qal il-Ministru.
Huwa qal li l-inċident laqat ukoll lill-membri tal-Korp tal-Pulizija, li minkejja l-qadi ta’ dmirijiethom ta’ kuljum, jibqgħu bnedmin li jbatu u jħossu. “Rajt Pulizija b’għajnejhom mimlijin dmugħ, rajt sens qawwi ta’ solidarjetà u rajt tobba jagħmlu minn kollox, għal bosta sigħat, biex isalvaw ħajja,” qal il-Ministru Bedingfield.
Huwa qal li quddiem dan kollu ma jistax ma jkunx hemm sens ta’ xokk, dwejjaq u rabja. “Imbagħad tistaqsi, għaliex persuna li ħarġet mid-dar tagħha biex tmur għax-xogħol għandha tispiċċa tiġġieled għal ħajjitha? Għax xi ħadd irresponsabbli ddeċieda li jieħu l-liġi f’idejh. Dan ma nistgħux naċċettawh. Mhux illum, mhux għada, qatt,” sostna l-Ministru.
Il-Ministru qal li “ż-żmien tal-cowboys għadda” u li s-soċjetà ma tistax taċċetta mentalità fejn individwu jiddeċiedi li jpoġġi l-ħajja ta’ ħaddieħor fil-periklu. “Il-liġi trid tiġi rispettata. U meta nitkellmu dwar l-armi, qed nitkellmu dwar responsabbiltà li tista’ tkun id-differenza bejn ħajja u mewt,” qal il-Ministru.
F’dan il-kuntest, il-Ministru Bedingfield qal li l-20 anniversarju mill-introduzzjoni tal-Att dwar l-Armi huwa mument importanti biex wieħed jirrifletti fuq ir-responsabbiltà li ġġorr magħha arma tan-nar. Huwa qal li l-Att bena qafas legali li jrid ikompli jsib il-bilanċ bejn il-pussess leġittimu u responsabbli ta’ arma u d-dmir fundamentali tal-Istat li jipproteġi l-ħajja u s-sigurtà taċ-ċittadini.
Il-Ministru rrikonoxxa l-ħidma tal-komunità tal-kolletturi u tat-tiraturi sportivi u saħaq li l-Gvern jagħraf id-differenza bejn il-pussess legali u responsabbli tal-armi u l-abbuż kriminali tagħhom. Huwa qal li l-maġġoranza tal-persuni li jippossjedu arma b’mod legali jifhmu r-responsabbiltà li ġġorr magħha, u faħħar lill-AMACS għall-ħidma tagħha tul is-snin biex tippromwovi kultura ta’ responsabbiltà, edukazzjoni u rispett lejn il-liġi.
Il-Ministru sostna li proprju għalhekk huwa importanti li kull min għandu arma tan-nar jara l-pussess tagħha mhux bħala simbolu ta’ status jew prestiġju, iżda bħala privileġġ li jitlob maturità, dixxiplina u responsabbiltà kbira.
Huwa enfasizza wkoll il-ħtieġa għal edukazzjoni u taħriġ kontinwu, kif ukoll għal aktar kooperazzjoni bejn is-sidien responsabbli tal-armi, l-għaqdiet tagħhom u l-awtoritajiet.
“Illum, aktar minn qatt qabel, irridu nibqgħu npoġġu s-sigurtà l-ewwel. Għax wara kull uniformi hemm persuna. Hemm iben, hemm raġel, hemm ħu, hemm familja li qed tistenna. U l-ebda familja m’għandha jkollha tgħaddi minn dak li għaddejja minnu din il-familja llum. Il-messaġġ tagħna għandu jkun wieħed ċar: irridu pajjiż fejn il-liġi tirrenja, fejn il-ħajja tiġi rispettata u fejn ħadd ma jaħseb li għandu d-dritt jieħu l-liġi f’idejh,” temm jgħid il-Ministru Bedingfield.
