Saturday, December 21, 2024

“Ma nistgħux nitfgħu lil kulħadd f’keffa waħda”- L-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard kiteb lill-Kummissjoni Ewropea sabiex jiddefendi l-interessi tal-operaturi tat-tugboats li ħafna minnhom huma intrapriżi żgħar u medji.

Dan fid-dawl ta’ regoli ġodda li qed jitfasslu bil-għan li jkun hemm monitoraġġ fuq kemm jużaw fjuwil u kemm iniġġsu l-vapuri fl-ibħra tagħna.

Għalkemm b’mod ġenerali r-regoli huma tajbin għax marbuta mal-miri ambjentali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fl-ittra tiegħu Attard saħaq li dawn inġustament ipoġġu lill-operaturi tat-tugboats fl-istess keffa ma’ dawk tal-vapuri tal-ġarr tal-merkanzija.

L-Ewroparlamentari Laburista talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrevedi r-regolamenti, bil-għan li operaturi Maltin u Ewropej li l-parti l-kbira tagħhom joperaw fil-portijiet tagħna ma jitgħabbewx bl-istess piż amministrattiv u finanzjarju ta’ kumpaniji ferm ikbar minnhom li joperaw fl-ibħra internazzjonali. 

F’dan il-kuntest, Attard sostna li għandu jibqa’ jitħares iktar l-ambjent marittimu u tkun inċentivata l-industrija marittima biex tibqa’ kompetittiva, hekk kif eluf ta’ Maltin u Ewropej għandhom xogħolhom dipendenti minn dan is-settur.

Dan kollu b’konsistenza mal-ħidma ta’ Daniel Attard fil-Parlament Ewropew, favur l-interess nazzjonali u kontra l-politika tal-one-size-fits all.

Ekonomija

Sport