Thursday, December 26, 2024

Malta Enterprise bi skema biex tgħin negozji jinvestu f’karozzi elettriċi

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi flimkien mal-Malta Enterprise, nedew il-Green Mobility Scheme, inizjattiva għan-negozji li tippromwovi l-użu ta’ vetturi elettriċi u prattiċi ta’ trasport sostenibbli. Dan hekk kif it-trasport huwa kruċjali fl-operat ta’ negozju u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tniġġis ambjentali.

Dawn id-dettalji ġew imħabbra mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia. Din l-iskema tħeġġeġ lin-negozji biex jagħmlu tranżizzjoni għall-vetturi elettriċi għat-trasport ta’ merkanzija u ħaddiema, billi qed tipprovdi inċentivi finanzjarji bħal għotjiet u krediti tat-taxxa biex jappoġġjaw investimenti fl-infrastruttura tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi u l-kiri ta’ vetturi li jniġġsu anqas jew b’emissjonijiet żero.

Il-Ministru Silvio Schembri spjega li din l-iskema proprju qed tindirizza u toffri l-assistenza meħtieġa lil dawk in-negozji li jkunu jridu jinvestu f’karozzi elettriċi. Hu żied jgħid li permezz ta’ din l-iskema qed jinċentivaw it-tranżizzjoni lejn trasport aktar sostenibbli, kif ukoll hija konformi mal-mira tal-Unjoni Ewropea li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li, “Din l-iskema tista’ tkopri 2 tipi ta’ investimenti – investiment fl-infrastruttura tal-iċċarġjar u anke l-kiri ta’ vetturi li jniġġsu anqas jew bla emissjonijiet. Malta Enterprise se tgħin kumpaniji li jużaw self għall-investimenti bħal dawn – billi tkopri l-interessi tagħhom – u se tappoġġja wkoll permezz ta’ krediti tat-taxxa fuq parti mill-ispejjeż meta l-kumpanija tiffinanzja dan l-investiment hija stess. Fuq kiri ta’ vetturi – Malta Enterprise tista’ tkopri l-ispejjeż eliġibbli fuq id-differenza tal-kirja bejn vetturi normali u dawk iktar nodfa. Dan fuq kuntratti ta’ kirja  t’aktar minn 12-il-xahar.”

Ekonomija

Sport