Sunday, December 22, 2024

Malta rnexxielha twitti t-triq għall-kompromess

... Il-Ministru Ian Borg

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ir-rwol tagħna kien li nwittu t-triq għall-kompromess. Matul il-proċess kellna nkunu kreattivi u nsibu soluzzjonijiet diplomatiċi. Dan l-approċċ meqjus ġie ferm apprezzat minn kulħadd u wassal għall-ewwel riżoluzzjoni tal-Kunsill fuq dan is-suġġett mill-2016.” Qal dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg fi stqarrija ministerjali b’rabta mar-riżoluzzjoni Maltija li ġiet adottata fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda favur it-tfal f’Gaża. 

Huwa beda biex qal li bħala membru elett fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, Malta qed issegwi mill-viċin il-kunflitt f’Gaża. Fakkar kif ftit sigħat wara l-attakk terroristiku tal-Ħamas f’Iżrael, Malta talbet li jitlaqqa’ l-Kunsill tas-Sigurtà b’urġenza.

“Għamilna hekk għax mill-ewwel irrikonoxxejna l-gravità tas-sitwazzjoni u l-impatt negattiv li seta’ jkollha fuq il-kumplament tar-reġjun. Ikkundannajna dawn l-attakki. Sħaqna wkoll li kwalunkwe azzjoni mill-Iżrael sabiex tipproteġi l-popolazzjoni tagħha għandha ssir b’mod konformi mal-liġi internazzjonali, inkluż il-liġi umanitarja internazzjonali u skont il-prinċipji tal-proporzjonalità, id-distinzjoni u n-neċessità militari,” qal il-Ministru Borg. 

Sadanittant, komplew għaddejjin taħditiet diplomatiċi fost il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà bil-għan li tintlaħaq riżoluzzjoni. Qal li meta s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, António Guterres qal li Gaża qed isir “ċimiterju tat-tfal”, kien ikkonfermat li ma kienx hemm aktar ħin x’jintilef u bdew minnufih b’ħidma fuq abbozz u saru laqgħat estensivi mal-Kunsill tas-Sigurtà, mal-pajjiżi interessati mal-pajjiżi tar-reġjun u ma’ organizzazzjonijiet umanitarji.

“Dan kien proċess delikat ħafna. Madankollu ma qtajniex qalbna u ħdimna b’mod għaqli u rispettuż lejn kulħadd. Fhimna li sabiex naslu għal ftehim kellna nisimgħu lil kulħadd,” qal il-Ministru Borg filwaqt li semma kif dawn il-ġranet ikkonfermaw li Malta tgawdi mill-fiduċja sħiħa u r-rispett tal-komunità internazzjonali.

Ir-riżoluzzjoni li ġiet adottata tappella għall-istabbiliment ta’ pawżi u kurituri umanitarji urġenti u estiżi madwar l-istrixxa ta’ Gaża. Tippermetti sforzi urġenti ta’ salvataġġ għal tfal neqsin, l-evakwazzjoni medika ta’ tfal morda jew midruba u tappella għal ħelsien tal-ostaġġi li qed jinżammu mill-Ħamas u gruppi oħra. Dan filwaqt li tenfasizza wkoll l-istatus vulnerabbli tat-tfal. 

“Din ir-riżoluzzjoni hi pass importanti fi-direzzjoni t-tajba. Fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin, Malta se tkompli tinvolvi ruħha b’mod attiv fis-sitwazzjoni tal-Lvant Nofsani bil-għan li tissalvagwardja l-ħajja taċ-ċivili kollha.

“Se nibqgħu sodi fl-impenn għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-qagħda mwiegħra tat-tfal fil-kunflitt armat matul il-kumplament tal-mandat tagħna fil-Kunsill u lil hinn.

“Malta se tibqa’ taħdem għal paċi dejjiema u sostenibbli fil-Lvant Nofsani,” temm jgħid il-Ministru Borg. 

Ekonomija

Sport