Friday, December 27, 2024

Malta tibqa’ l-inqas pajjiż li jirriċikla minkejja li r-rata tar-riċiklaġġ żdiedet bid-doppju

Aqra wkoll

Minkejja li Malta rat żieda doppja fir-rata ta’ riċiklaġġ, xorta waħda baqgħet l-inqas pajjiż li jagħmel dan fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Stastika ta-Eurostat li ġie ppubblikata fl-aħħar jiem turi li fis-sena 2021 pajjiżna kellu rata ta’ 20.5% ta’ riċiklaġġ, fosthom ippakkjar li marru biex jerġgħu jintużaw. Dan ifisser żieda ta’ 10.3% hekk kif fl-2020 r-rata kienet biss ta’ 10.2%. Dan juri li l-isforzi tal-Gvern u anke tal-awtoritajiet konċernati, b’xi mod qegħdin iħallu l-ewwel riżultati.

Fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, l-Islovenja kien l-aktar pajjiż li rriċikla meta kellu rata ta’ 50% u warajh hemm il-Belġju b’rata ta’ 49.2%. Fit-tielet post tal-klassifika, il-Eurostat tpoġġi lill-Olanda b’rata ta’ 48.9% ta’ riċiklaġġ.

Franza u l-Iżvezja ġew wara Malta eżatt fil-klassifika, hekk kif Franza kellha rata ta’ 23.1% filwaqt li l-Iżvezja kellha rata ta’ 23.8% ta’ riċiklaġġ fl-2021.

Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fl-2021 iġġeneraw 188.7kg ta’ materjal li jintuża fl-ippakkjar, u dan ifisser 10.8kg aktar kull persuna mill-2020.

Il-Eurostat tgħid li l-Unjoni Ewropea ġġenerat 84 miljun tunnellata ta’ skart li jikkonsisisti f’materjal li jintuża fl-ippakkjar tal-prodotti li minnhom 40.3% kienu karti u kartun, 19% plastik, 18.5% ħġieġ, 17.1% injam u 4.9% metall.

Intant, biex pajjiżna jkompli jtejjeb ir-rata tiegħu ta’ riċiklaġġ, mill-Ħadd 15 t’Ottubru, daħlet fis-seħħ miżura ġdida li permezz tagħha dawk il-persuni u n-negozji li jinqabdu joħorġu kontenut b’ieħor fil-borża tal-iskart jistgħu jeħlu sa €150 multa.

Dan minħabba li l-moratorju ta’ sitt xhur – perjodu li matulu n-nies kellhom iċ-ċans biex jedukaw ruħhom u jilħqu jidraw il-liġijiet il-ġodda b’rabta mas-separazzjoni tal-iskart – ġie fi tmiemu l-ġimgħa li għaddiet.

Uffiċjali tal-ERA kif ukoll uffiċjali oħra tal-infurzar, bħalissa għaddejjin b’sensiela ta’ spezzjonijiet madwar Malta u Għawdex sabiex jagħmlu ċert li l-iskart maħruġ mid-djar u n-negozji jkun isseparat kif suppost: il-borża t-trasparenti għall-iskart organiku, il-borża l-griża jew il-ħadra għall-iskart riċiklabbli, u l-borża s-sewda għall-iskart l-ieħor.

L-uffiċjali tal-infurzar huma awtorizzati bil-liġi sabiex jiċċekkjaw il-boroż maħruġa għall-ġbir tal-iskart u biex joħorġu twissijiet u multi lil dawk il-persuni li jisseparaw l-iskart fil-borża l-ħażina.

Ekonomija

Sport