Kien għall-ħabta ta’ 00.20am meta l-Malta Vessel Traffic Services (VTS) irċiviet sejħa għall-għajnuna minn passiġġier li kien jinsab fuq il-bastiment Conscience Hu rraporta li fuq il-bastiment kien hemm xi nrien.
Fi stqarrija l-Gvern ta’ Malta qal li abbord kien hemm 12-il membru tal-ekwiġapp u 4 passiġġieri ċivili li b’xorti tajba f’dawn in-nirien ħadd ma weġġa’.
Il-membri tal-ekwipaġġ qalu lill-Awtoritajiet Maltin li n-nirien ma kienux taħt kontroll u kellhom bżonn l-assistenza mmedjata.
L-istqarrija tkompli tgħid li fiż-żona kien hemm tug boat fejn għamlet kuntatt mal-VTS u kkonfermat li abbord hemm appartament li jista’ jitfi n-nar.
L-istess tug boat waslet fuq il-post u mill-ewwel bdiet operazzjoni biex jintefa n-nar. “Sa 01.28am in-nar kien taħt kontroll filwaqt li patrol boat tal-Forzi Armati telqet minn Malta biex tagħti aktar għajnuna,” tgħid l-istqarrija.
Kien għall-ħabta tas-2.13 am meta ġie kkonfermat li dawk kollha li kienu jinsabu fuq il-bastiment kienu siguri, iżda rrifjutaw li jabbandunaw il-bastiment u jitilgħu fuq it-tug.
“Il-bastiment baqa’ ‘l barra mill-ibħra Maltin u qegħdin jiġu segwit mill-awtoritajiet kompetenti,” itemm tgħid l-istqarrija.
Intant dan il-bastiment hu parti mill-flotta ta’ Freedom Flotilla fejn attivisti minn madwar id-dinja kienu sejrin fuq missjoni lejn il-Medda ta’ Gaża. Rapporti fil-midja qegħdin jgħidu li dan l-istess bastiment safa f’mira ta’ attakk bi drone. S’issa ħadd ma refa’ r-responsabbilità ta’ dan l-attakk.