Maltese Hits Vol. III: 22 kanzunetta Maltija f’kumpilazzjoni diġitali ġdida

Aqra wkoll

Wara s-suċċess ta’ Maltese Hits u Maltese Hits Vol. II, CAP-Sounds tkompli tagħti spazju lill-kanzunetta oriġinali bil-Malti permezz tat-tielet kumpilazzjoni diġitali tagħha: Maltese Hits Vol. III.

Din il-kumpilazzjoni tkompli tiċċelebra l-varjetà, il-kwalità u l-identità tal-mużika Maltija, b’għażla ta’ kanzunetti li ħallew il-marka tagħhom f’festivals, konkorsi u fuq il-pjattaformi diġitali matul dawn l-aħħar snin.

Maltese Hits Vol. III tinkludi rebbieħa minn uħud mill-aktar festivals prestiġjużi lokali, fosthom Għażiża ta’ Laura Bruno, rebbieħa ta’ L-Għanja tal-Poplu 2024; Narakom L-Infern ta’ Rita Pace, rebbieħa ta’ L-Għanja tal-Poplu 2025; Ħajjitna ta’ Martina Fenech, rebbieħa tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza 2025; kif ukoll Mhux tal-Aħħar ta’ Maxine, Sabiħa ta’ Gianluca Bezzina u Stajna Konna Aħna ta’ Jamie Cardona, rebbieħa ta’ Mużika Mużika fl-edizzjonijiet tal-2024, 2023 u 2025 rispettivament.

Fost il-kanzunetti l-oħra inklużi nsibu Inħobbok Wisq ta’ Cherylis, rebbieħa tal-Premju Enzo Gusman għall-Aħjar Interpretazzjoni waqt L-Għanja tal-Poplu 2025; Tiegħek Jien ta’ Brooke, klassifikata fit-tieni post ta’ Mużika Mużika 2025; Tfajjel Ruxxan ta’ Ishmael Grech, klassifikata fit-tieni post tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza 2024; Jekk Forsi ta’ Mark Spiteri Lucas u Debbie Scerri, finalista ta’ Mużika Mużika 2026 kif ukoll verżjoni ġdida ta’ Sal-Aħħar Nifs ta’ Claudia u Fabrizio Faniello flimkien ma’ Owen Leuellen, kanzunetta li oriġinarjament rebħet il-Festival tal-Kanzunetta Maltija fl-1999.

B’kollox, 22 kanzunetta jiffurmaw din it-tielet edizzjoni, li tkompli ssaħħaħ il-preżenza tal-mużika bil-Malti fuq il-pjattaformi diġitali u tagħti aktar opportunità lill-udjenzi, kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna, biex jiskopru u japprezzaw ix-xogħol tal-artisti Maltin.

Maltese Hits Vol. III tista’ tinstema’ fuq Spotify jew tinxtara minn pjattaformi diġitali oħra bħal iTunes, Amazon Music u Apple Music billi tagħfsu hawn: https://bfan.link/maltese-hits-vol-3

Għal aktar informazzjoni dwar CAP-Sounds, żuru s-sit uffiċjali tagħhom: https://www.cap-sounds.de/

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport