Sunday, December 22, 2024

Malti arrestat fuq bejgħ tal-malware illegali fuq id-darkweb 

Aqra wkoll

F’operazzjoni mill-Pulizija Maltija bil-għan li tassisti fl-investigazzjonijiet tal-FBI fl-Istati Uniti, ġie arrestat Malti ta’ 27 sena b’rabta ma’ bejgħ ta’ malware llegali fuq id-‘darkweb’ . 

Huwa ġie arrestat ukoll  b’rabta ma’ servizzi ta’ mentoring fuq dak li jissejjaħ ‘Hack Forum’. Dan il-malware, magħrufa bħala RAT (Remote Access Trojan), jintuża mill-kriminali sabiex jiksbu aċċess u kontroll talkompjuters jew servers tal-vittmi. Huwa mifhum li hemm diversi vittmi fl-Istati Uniti li sfaw vittma ta’ dan ir-RAT. 

L-investigazzjonijiet f’Malta tmexxew mit-Taqsima tas-Cyber Crime, wara talba għall-assistenza li ntbagħtet mill-Istati Uniti, li kienet tindika li suspettat ewlieni fil-bejgħ ta’ dan ir-RAT huwa Malti. 

Dawn l-investigazzjonijiet wasslu biex ġie identifikat is-suspettat Malti u li kien f’assoċjazzjoni ma’ kriminali oħra li m’humiex Maltin u lanqas jgħixu f’Malta.

Il-Pulizija Maltija arrestat lis-suspettat nhar il-Erbgħa fuq il-post tax-xogħol tiegħu fil-Gudja. Waqt tfittxijiet li saru f’diversi postijiet tas-suspettat, ġew elevati numru ta’ affarijiet b’rabta ma’ din l-investigazzjoni.

Ir-raġel ta’ 27 sena tressaq il-Qorti l-Ħamis waranofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Giannella Camilleri Busuttil sabiex jibdew il-proċeduri biex jiġi estradit lejn l-Istati Uniti ħalli jiffaċċja l-akkużi quddiem il-Qorti Amerikana. 

B’rabta ma’ din l-investigazzjoni, ġie arrestat ukoll kompliċi Niġerjan, li jgħix fin-Niġerja. Operazzjonijiet oħra f’diversi pajjiżi, b’rabta ma’ l-istess bejgħ ta’ malware llegali fuq id- ‘darkweb’, kienet qiegħda titmexxa mill-Europol, bl-involviment ta’ diversi stati oħra, fosthom il-Pulizija Federali Awstraljana, il-Pulizija tal-Kanada, tal-Kroazja, tal-Finlandja, tal-Olanda, tarRumanija, tal-Ġermanja u tan-Niġerja.

Ekonomija

Sport