Ninsabu ġimagħtejn biss bogħod millelezzjoni ġenerali. Kull jum li jgħaddi qed
iqarribna aktar lejn dan il-jum deċiżiv fejn il-poplu se jkun qiegħed jiddeċiedi dwar iddirezzjoni li għandu jieħu l-pajjiż fil-ħames snin li ġejjin.
Għaldaqstant, il-poplu għandu għażla importanti x’jagħmel. Għażla li trid issir b’reqqa kbira u bi ħsieb. Għażla li trid issir abbażi ta’ dak li ġie ppreżentat lill-poplu, dwar il-proposti li tressqu ’l quddiem u fuq kollox lil min jemmen li
huwa l-aktar kredibbli li jwettaqhom.
Dak li rajna din il-ġimgħa, bil-ftehim li ssiġġilla u għamel realtà il-ħolma tal-poplu Malti u Għawdxi dik li Manoel Island u Forti Tigné jerġgħu lura għand il-poplu – huwa prova ċara ta’ kemm dak li jwiegħed Gvern Laburista, iwettqu fil-prattika.
Dan kien mument storiku li witta t-triq biex iżżona f’Manoel Island tiġi mibdula f’park nazzjonali mfassal fuq ix-xewqat tal-Maltin u l-Għawdxin.
Park nazzjonali li jippreserva u joħroġ l-aspett naturali tal-pajsaġġ u l-bajjiet, filwaqt li jieħu ħsieb ukoll il-wirt storiku ta’ dan is-sit. Dan kien impenn ieħor li Gvern Laburista, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, imbarka fuqu f’dawn l-aħħar xhur u issa qegħdin naraw il-frott tiegħu.
Se jkun għalhekk proġett li se jħalli wkoll legat kbir għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan flimkien ma’ proġetti oħra bħalma huma dawk fil-White Rocks u l-Forti Campbell, li l-Partit Laburista qed iwiegħed li se jkunu ta’ prijorità fil-leġiżlatura li
jmiss.
Fl-istess waqt, il-Gvern qiegħed joħloq spazji ġodda u jirriġenera oħrajn eżistenti u anke jħares lejn iż-żamma tagħhom fit-tul. B’sistemi moderni t’irrigazzjoni, materjali sostenibbli u l-investiment fil-manutenzjoni, dawn huma proġetti li qed
jitwettqu biex jitgawdew minn kulħadd.
Nemmnu li dan l-investiment kollu, il-poplu huwa konxju tiegħu. Għaldaqstant, inħarsu ’l quddiem li jissokta x-xogħol fuq dawn il-proġetti u oħrajn li fl-aħħar
mill-aħħar se jgħinu biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

