Il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-impenn tal-Gvern Malti favur qalba sostenibbli u iżjed ambjentali fl-industrija marittima. Dan għamlu waqt l-inawgurazzjoni t’uffiċini ġodda tar-‘Regional Marine Pollution Emergency Response Centre’ (REMPEC). Dan iċ-ċentru huwa amministrat mill-‘International Maritime Organisation’ (IMO), fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u kien fis-sebgħinijiet taħt l-eks Prim Ministru Dom Mintoff li Malta għażlet li tilqa’ dan iċ-ċentru biex jaħdem mill-qalba tal-Mediterran.
Fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tal-IMO Kitack Lim, il-Prim Ministru Dr Robert Abela spjega kif l-industrija marittima tikkontribwixxi mal-14% fl-ekonomija Maltija u f’dan il-kuntest saħaq li l-importanza marittima ma għandhiex tkun limitata biss għal skop kummerċjali iżda anki hemm l-aspett ambjentali u l-protezzjoni ta’ speċi fil-baħar. Hawn, Dr Abela sostna li l-ambjent marittimu huwa importanti għal Malta u se jkompli jingħata viżibilità minn pajjiżna hekk kif mill-bidu tas-sena d-dieħla, Malta se tokkupa siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Prim Ministru rrikonoxxa ħidmet ir-REMPEC u l-assistenza li dan iċ-ċentru ta għal dawn l-aħħar 45 sena f’pajjiżi li jmissu mal-baħar Mediterran, fosthom billi pprevena t-tniġġis fil-baħar u rrisponda mill-aktar fis għal inċidenti fil-baħar li jikkawżaw tniġġis. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta tħares ’il quddiem li tibqa’ tappoġġja lil dan iċ-ċentru għall-ġid tal-baħar Mediterran u l-pajjiżi li jmissu miegħu.
Intant, waqt l-istess inawgurazzjoni tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-IMO. Kitack Lim saħaq li REMPEC qed tibda kapitlu ġdid f’uffiċini ġodda f’Sa Maison, fil-Furjana. Lim irringrazzja lil Malta u qal li s-suċċess tar-REMPEC huwa dovut għal kollaborazzjoni b’saħħitha bejn l-IMO, il-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Gvern Malti.
Qabel l-inawgurazzjoni, li għaliha attendew ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farugia, saret laqgħa bilaterali bejn il-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarju Ġenerali tal-IMO Kitack Lim. Fil-laqgħa li saret f’Kastilja ġew diskussi il-miri għal tnaqqis t’emmissjonijiet li qed jingħataw prijorità mill-IMO wkoll. Malta aċċennat ukoll li l-IMO għandha twassal il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, li tolqot tant lill-Mediterran, f’istituzzjonijiet relevanti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti.