Thursday, April 25, 2024

“Meta jkun hemm problema tkellmuha mhux tħalluha ‘fil-kexxun’”

Alexia Micallef – ir-rebbieħa tas-46 edizzjoni tal-festival ‘L-Għanja tal-Poplu’.

Aqra wkoll

Alexia Micallef hija r-rebbieħa tas-46 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu li sar is-Sibt li għadda fi Pjazza Teatru Rjal fil-Belt Valletta.

Micallef, li apparti li hi kantanta, taħdem ukoll fil-qasam teatrali bħala attriċi, rebħet dan il-konkors bil-kanzunetta bl-isem ta’ ‘Fil-Kexxun’ bi kliem u mużika li nkitbu minn Lon Kirkop. Din il-kanzunetta għandha messaġġ qawwi għal dawk li għaddejjin minn problemi psikoloġiċi u kemm hu importanti li titkellem meta jinqala’ xi ħaġa.

Fit-tieni post kien hemm il-kanzunetta ta’ Marija Bellia bl-isem ta’ ‘Ismi’ bi kliem u mużika ta’ Iona Dalli u l-istess Bellia. Din tal-aħħar rebħet ukoll il-Premju għall-Aħjar Kantawtur.

Sadanittant il-grupp MARA spiċċaw fit-tielet pożizzjoni permezz tal-kanzunetta ‘Ħelu Manna’ bi kliem u mużika ta’ Emil Calleja Bayliss u Philip Vella.

Aktar unuri marru għand Joe Julian Farrugia (il-premju għall-aħjar tema soċjali) bil-kanzunetta ‘Mr X’ li ġiet interpretata minn Philip Vella.

Din is-serata ġiet ippreżentata minn Valerie Vella.

Sadanittant, dan is-sit, tkellem mal-kantanta rebbieħa Alexia Micallef li dehret ferm sodisfatta li rebħet dan il-festival għalkemm s’issa stess għadha ma tridx temmen.

“Inħares lejn il-video tal-kanzunetta tiegħi għal darba, tnejn, tlieta u lanqas irrid nemmen li rbaħt. Bkejt ħafna bl-emozzjoni wara l-interpretazzjoni ta’ ‘Fil-Kexxun’ iktar u iktar għax dak il-kliem li kantajt, kienu esperjenzi li għexthom jien stess.”

Iżda kif bdiet l-imħabba tagħha lejn il-mużika?

“Bdejt inkanta meta kelli biss erba’ snin. Biex inkun qed ngħidlek kollox, jien nirreċta wkoll u f’dawn l-aħħar snin tgħallimt nagħmilhom it-tnejn li huma.”

Alexia tgħidilna li meta tkun fuq il-palk, kemm jekk tkanta kif ukoll meta tirreċta, tħoss emozzjoni partikolari, tinqata’ għaliha u tipprova toħroġ l-aħjar interpretazzjoni tagħha kull fejn tkun.

“Fuq kollox, ittini ħafna kuntentizza nara n-nies jipparteċipaw miegħek u minn fuq il-palk nista’ nħoss li jkunu qed jieħdu pjaċir.”

Micallef terġa’ titkellem dwar id-diska rebbieħa ‘Fil-Kexxun’ fejn tgħid li apparti li għaddiet minn mumenti xejn sbieħ f’ħajjitha, kienet kapaċi toħroġ minnhom għax tkellmet u fittxet l-għajnuna tat-terapisti u n-nies professjonali li ħadu ħsiebha bl-aħjar mod possibbli. 

“Wara li n-nies semgħu l-kliem li fiha l-kanzunetta, kelli ħafna rispons mill-pubbliku inġenerali li beda jirrelata lilu nnifsu magħhom u kemm kienu qed iħarsu lejn il-ħajja b’perspettiva differenti. Trid tkun kuraġġuż, tammetti li għandek problema, titkellem u tkun sod f’dak li tkun qed tagħmel.” 

Alexia Micallef hi studenta tal-kordi vokali u qed tiġi mgħallma mill-kantant bravissimu Glen Vella, rebbieħ ta’ Mużika Mużika 2021 u li rrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest fis-sena 2011. Hi għandha kliem ta’ tifħir għal Vella li taha kuraġġ kbir, qed jgħallimha bl-akbar reqqa u fuq kollox mill-ftit żmien li ilha miegħu, tgħallmet ħafna. 

Skont hi għamel id-differenza fil-vuċi tagħha meta tkanta. Ma’ Glen hemm ukoll Pamela Bezzina, Norma u Julie Pomorski li jieħdu ħsieb l-istudenti tagħhom bl-aqwa mod possibbli.

“Glen Vella m’hawnx bħalu! Għandu karattru partikolari u meta sirna nafu r-riżultat tant feraħ li qisu rebaħ hu. Allaħares ma kienx hu għax kieku mhux qiegħda għal din l-intervista.”

Alexia xtaqet issemmi wkoll lil Patrick Vella li għenha ħafna fejn għandu x’jaqsam viżwal sabiex il-prodott finali ta’ ‘Il-Kexxun’ fuq il-palk toħroġ bl-aqwa mod possibbli.

Hi studenta fl-MCAST fuq Performing Arts u għalhekk id-domanda li toħorġilna spontanja hi kif jirnexxielha tlaħħaq mal-kant, teatru u studju.

Hi tgħidilna li xejn m’hu faċli li tagħmel dan iżda meta tkun tħobb l-affarijiet minn qalbek u torganizza sew il-ħin tiegħek, kapaċi tagħmilha. Ġieli jkun hemm mumenti diffiċli fejn minħabba assignments, eżamijiet u mitt elf ħaġ’oħra tħossha daharha mal-ħajt iżda meta tiftakar li se tmur fuq il-palk aktar tard, tirsisti ħalli tlesti dak li għandha x’tagħmel.

Peress li Alexia hi attriċi u kantanta saqsejniha x’differenza tara bejn il-kant u r-reċtar.

“Għalkemm hemm differenza kbira fil-prinċipju, it-tnejn li huma jiġu interpretati fuq il-palk. Hemm l-istess emozzjonijiet li jaqblu ħafna u n-nies li jkunu qegħdin quddiemek jipparteċipaw u għalhekk int timtela’ b’aktar grinta biex tagħti l-mija fil-mija tiegħek.”

Minkejja kollox, iż-żewġ ġeneri huma differenti minn xulxin u hi tgħid li tħobb tagħmilhom it-tnejn.

Iżda kemm tħoss li artist Malti qed jiġi rispettat mill-Maltin stess?

“Nemmen li nbidlet ħafna l-mentalità tal-Maltin fejn għandu x’jaqsam il-palk u l-kanzunetti li nipproduċu. Veru li fadal ħafna xi jsir iżda resqin lejn it-triq it-tajba. Hemm sezzjoni ta’ nies li japprezzawh ħafna, waqt li oħrajn ftit jagħtu kas.”

“Nemmen ukoll li hemm bżonn nagħtu aktar importanza lit-teatru għax rajt li naqas ħafna bħala attenzjoni minn kif kien qabel. Veru li l-kanzunetti baqgħu konsistenti fil-popolarità iżda hemm bżonn li nibżgħu għat-teatru għax dan fih il-faxxinu tiegħu. Barra minn Malta t-teatru jiġi apprezzat l-aktar u għalhekk irridu nagħmlu sforz u nagħtuh aktar popolarità mal-pubbliku inġenerali.”

Iżda Alexia ġieli ġietha x-xewqa li ssiefer barra minn Malta u tkompli l-istudju artistiċi tagħha hemmhekk?

“Iva fil-verità ġieni l-ħsieb nagħmel hekk għax barra minn xtutna l-affarijiet huma ferm differenti b’mod partikolari fit-teatru fejn tingħata importanza kbira lil musicals li tant huma popolari speċjalment fl-Ingilterra.”

Ix-xewqa tagħha hi li tmur hemmhekk tistudja iżda ma tibqax għalkollox hemm, anzi terġa’ tiġi Malta u tagħti minn dak li tgħallmet lil ħaddieħor.

Alexia Micallef kienet onorata li rebħet il-premju Enzo Guzman bħala l-aqwa interpretazzjoni u fissritu bħala idolu t’ommha li tant kienet tisimgħu kull meta kien ikanta u għalhekk hi trabbiet bil-mużika tiegħu meta kienet żgħira.

Finalment, ir-rebbieħa tal-Festival Għanja tal-Poplu 2022 xtaqet tgħaddi messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk l-individwi li għaddejjin minn mument diffiċli.

“Importanti li meta jkun hemm problema titkellmuha mhux kif jisimha d-diska tiegħu tħalliha ‘fil-kexxun.’

Finalment kelma oħra għal dawk li jixtiequ jsiru kantanti u artisti.

“Meta int għandek talent, ara li tesponieh. Jekk temmen fil-prodott tiegħek mur u oħorġu fuq il-palk. Min jaf forsi ‘l quddiem taf tkun ir-rebbieħ tal-Għanja tal-Poplu li jmiss!”

Sport