Thursday, April 18, 2024

PROSPETTI TAL-INFLAZZJONI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Iċ-ċansijiet qed jiżdiedu li l-inflazzjoni se ddum magħna għal żmien itwal milli kienu qed jaħsbu jew jittamaw diriġenti governattivi u privati. Minn banda baqgħu
jgħidu li “ċerta” inflazzjoni hi meħtieġa biex jitqajmu l-prospetti ta’ investiment u tkabbir ekonomiku. Min-naħa l-oħra, issa l-biża’ hu li l-mod kif il-prezzijiet xegħlu, għal numru ta’ raġunijiet li fil-fatt mhumiex marbuta flimkien, qed ikun qawwi wisq u wisq imprevedibbli.

F’dawn iċ-ċirkostanzi t-tbassir li għadu jsir (għalkemm b’kawtela akbar) minn
istituzzjonijiet bħall-Bank Ċentrali Ewropew – li sa sentejn oħra, r-rata annwali tal-għoli tal-prezzijiet għad terġa’ tinżel għal qrib it-2 fil-mija – qed jintlaqa’ b’xettiċiżmu qawwi.

Dan minnu nnifsu jwassal biex il-prospetti dwar il-persistenza tal-inflazzjoni
jitwalu. Meta l-aġenti ekonomiċi jippjanaw ħidmiethom fuq xenarju tat-tul, qed iżidu fiċ-ċansijiet li dil-ħaġa tiġri.

TASSEW “SELF-EMPLOYED”?

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi “avvanzati” għandhom liġijiet sodi biex bihom jirregolaw it-trattament tal-ħaddiema u impjegati fis-setturi tal-ekonomija, mal-privat u mal-
gvern. Dawn jissettjaw kondizzjonijiet minimi dwar pagi, btajjel, protezzjoni soċjali, saħħa u aktar. Fl-aħħar żminijiet żdiedu wkoll miżuri biex lil dawk li jinsabu fl-impjieg jiġi garantit lilhom bilanċ ben “xogħol” u “ħajja”: nisimgħu ħafna retorika dwar hekk.

Biss li qed jiġri wkoll mal-ekonomiji kollha hu li min jimpjiega sab mod kif jeħles mill-osservanza ta’ dawn il-liġijiet kollha. Dan isir billi x-xogħol li jistenna mill-
impjegat jieħu s-sura – u jsir attività – li tinkera b’kuntratt mingħand persuna. Din il-persuna tkun “self-employed” u trid tieħu ħsieb hi kif se tirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha stess.

Hi prattika li qed tinxtered ma’ ħafna oqsma, inkluż fit-tmexxija governattiva.

GOVERNANZA FL-UNJONI EWROPEA

Diversi istituzzjonijiet Ewropej ġew u jiġu jippriedkawlna dwar kif nistgħu ntejbu l-governanza tagħha, u forsi għandhom raġun fid-difetti li jsibulna. Biss l-istutuzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea wkoll għandhom ħafna xi jtejbu fil-governanza tagħhom.

Il-Kunsill tal-Ministri jirrifjuta kull sena li jaċċetta skrutinju tal-kontijiet ta’ spiża tiegħu.

Il-Kummissjoni Ewropea tmexxi r-reklutaġġ u promozzjoni tal-istaff tagħha mingħajr trasparenza vera, b’bażużlar u favoritiżmu ġieli rampanti.

Il-Parlament Ewropew qed jiġi akkużat li żied bl-addoċċ fl-ispiża tiegħu biex ikunu jistgħu jinqdew mill-koxxa klikek ta’ nies qrib il-mexxejja tal-gruppi politiċi.

Il-Bank Ċentrali Ewropew qed imexxi billi jirrekluta kemm jista’ nies b’kuntratt temporanju biex iżomm l-istaff kollu taħt suġġizzjoni.

Il-Bank ta’ Investiment Ewropew jinjora sfaċċatament il-ħarsien bażiku tal-impjegati tiegħu.

Fil-Qorti Ewropew tal-Awdituri, il-President u xi diretturi oħra abbużaw sistematikament mir-regoli tal-istituzzjoni dwar ħlasijiet u perkaċċi.

Skandli oħra ta’ tmexxija żgarrata qamu u għadhom miftuħa fost oħrajn fl-Aġenzija Ewropea għall-Ażil u fil-Frontex.

Ekonomija

Sport