Monday, July 6, 2026

Meta l-Vaganzi tat-Tfal Ma jibqgħux Verament Vaganzi

- Tikteb Vania Agius Tabone

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa n-neputijiet tiegħi bdew il-vaganzi tas-sajf u qattgħu ftit ħin miegħi waqt li ommhom kienet fuq ix-xogħol. Kien mument sabiħ ħafna għalija li nisma’ l-ħsejjes ferrieħa tagħhom jilagħbu, jirrilassaw u jieħdu pawża mill-iskola.

F’qalbi bdejt naħseb kemm is-sajf għandu jkun, fil-fatt, żmien għat-tfal: żmien fejn jilagħbu, iqumu aktar tard u jgawdu lil xulxin. Niftakar kemm kont nimmissjahom meta jerġgħu jibdew l-iskola wara l-vaganzi. Kien żmien sabiħ ħafna u għadni nżommu għażiż.

Madankollu, mill-esperjenza tiegħi ta’ kważi 20 sena d-dar, naf ukoll li dik ir-rutina ma kinitx dejjem ideali. Kien hemm bżonn ta’ bilanċ—bilanċ bejn it-trobbija tat-tfal u l-karriera. Illum, forsi morna mill-estrem għall-ieħor.

It-tfal mhux dejjem qed igawdu l-vaganzi tas-sajf bħala żmien ta’ mistrieħ, għax ħafna minnhom imorru minn skola għall-iskola tas-sajf. Dan iqajjem mistoqsija importanti: kif nistgħu nsibu kompromess aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol tal-ġenituri u l-bżonnijiet tat-tfal?

Huwa minnu li ħafna nisa jagħżlu karrieri fl-edukazzjoni proprju għax joffru aktar flessibbiltà matul il-vaganzi tat-tfal. Imma x’jiġri mill-ġenituri li jaħdmu f’oqsma oħra? Kif jistgħu huma wkoll igawdu dawn il-mumenti importanti ta’ sajf ma’ wliedhom?

Minn perspettiva ta’ min iħaddem, dan jista’ jidher bħala sfida jew anke spiża żejda. Madankollu, jista’ jkun hemm mezzi ta’ bilanċ aħjar. Pereżempju, ġenituri ta’ tfal żgħar jistgħu jippjanaw il-leave tagħhom minn kmieni matul is-sena, f’koordinazzjoni ma’ min iħaddimhom, biex ikun jista’ jintuża propju meta t-tfal ikunu bil-vaganzi tal-iskola.

Illum il-ġurnata, ħafna familji għandhom żewġ ġenituri jaħdmu—kemm għal raġunijiet finanzjarji kif ukoll biex it-tnejn ikomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom. Madankollu, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li, f’dan il-proċess, xi drabi qed jintilfu mumenti importanti bejn il-ġenituri u t-tfal—mumenti ta’ kwalità li jibqgħu mfakkra għal ħajjithom kollha.

Għalhekk nemmen li għandna nirriflettu aktar dwar kif nistgħu nsibu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, speċjalment matul il-vaganzi tat-tfal. Mhux kwistjoni ta’ għażla bejn karriera jew familja, iżda ta’ kif it-tnejn jistgħu jeżistu flimkien b’mod aktar sostenibbli u uman.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport