Id-Deputata Laburista Rosianne Cutajar iddikjarat fil-Qorti li ħassitha mhedda meta l-awtur Mark Camilleri fuq Facebook qalilha li se jsir “l-agħar ħolma tagħha” sakemm ma titlaqx mill-politika.
Cutajar kienet qiegħda tixhed f’seduta tad-Distrett ta’ Ħal Qormi hekk bdew il-proċeduri kriminali kontra Camilleri li jinsab mixli li heddidha jew insulentaha b’mod li qabeż il-limiti tal-provokazzjoni.
Fuq il-pedana tax-xhieda, Cutajar qalet li: “Naċċetta ħafna kritika, ħafna minnha inġusta, imma f’dan il-każ ma stajtx nonqos milli naġixxi għax jekk din il-persuna tħossha komda li theddidni fil-miftuħ, tista’ tagħmel l-istess ma’ nies oħra. M’inix se nittollera dan it-tip ta’ lingwaġġ, li kkawżali ħafna biża’.”
L-Avukat Joseph Mizzi, li deher għall-imputat, staqsa lix-xhud x’theddid kien hemm fil-post li tefa’ Camilleri. “Il-post kollha hi theddida, iżda fuq kollox il-parti fejn jgħid li ‘se nsir l-agħar ħolma tiegħek’,” wieġbet Cutajar.
Dr Mizzi staqsieha wkoll jekk tħossx li l-post fuq Facebook kinitx malafamanti, iżda dlonk intervjena l-Avukat Difensur Edward Gatt li sostna li dan ma kienx każ ta’ malafama.
Madankollu, meta mistoqsija mill-Qorti, Cutajar reġgħet tenniet li ħassitha mhedda.
Il-kawża, li qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Simone Grech, tkompli f’Jannar li ġej.