Miexi x-xogħol fuq it-tiswijiet tal-cables f’Għawdex

Aqra wkoll

Kompla x-xogħol matual il-lejl sabiex jiġu identifikati u msewwija żewġ ħsarat maġġuri fil-cables li qed jaffettwaw il-provvista tal-elettriku f’Għawdex. Dalgħodu għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ tiswija, filwaqt li qed jintbagħtu aktar ġenerators biex jipprovdu provvista temporanja.

Fix-Xewkija, fejn ilbieraħ filgħaxija ġiet identifikata l-ewwel ħsara, tlesta x-xogħol ta’ tħaffir u nkixfet il-parti tal-cable għat-tiswija.  Tekniċi speċjalizzati f’din it-tip ta’ tiswija jinsabu Għawdex.

Qed isir progress ukoll fuq it-tieni ħsara, li ġiet lokalizzata f’parti mir-rotta tal-cable fuq il-gżira ta’ Kemmuna. Tagħmir għall-iskavar qed jiġi ttrasportat fuq barkun biex jintuża fuq il-post.

L-Enemalta spjegat li l-proċess biex jiġu lokalizzati u msewwija ħsarat f’cables ta’ vultaġġ għoli taħt l-art huwa wieħed kumpless, minħabba li dawn il-cables jestendu fuq diversi kilometri.

“Ladarba tiġi identifikata l-ħsara u jinkixef il-cable, l-inġiniera jridu jistabbilixxu kemm testendi l-ħsara qabel ma tkun tista’ titneħħa s-sezzjoni affettwata. Iridu jsiru wkoll testijiet kruċjali biex jiġi stabbilit jekk daħlitx umdità fil-cable, peress li din tista’ tikkomprometti l-insulazzjoni tiegħu u l-integrità tat-tiswija meta terġa’ tiġi rrestawrata l-provvista tal-elettriku.

“Jekk it-testijiet jikkonfermaw li l-cable huwa safi, is-sezzjoni bil-ħsara tkun tista’ titneħħa u jibdew ix-xogħlijiet biex il-cable jissewwa. Il-cable imsewwi jgħaddi minn aktar testijiet qabel ma jkun jista’ jerġa’ jitħaddem b’mod sigur,” spjega it-tim tekniku fuq il-post.

Filwaqt li qed javvanzaw ix-xogħlijiet, timijiet tekniċi u aktar riżorsi qed jiġu mobilizzati biex jappoġġjaw l-operazzjoni ta’ tiswija.

“L-Enemalta tagħraf l-iskumdità konsiderevoli li qed jesperjenzaw ir-residenti, in-negozji u l-viżitaturi li għadhom mingħajr provvista tal-elettriku, partikolarment fis-sħana ta’ bħalissa. Il-prijorità immedjata tagħna tibqa’ li nirrestawraw il-provvista bl-aktar mod rapidu u sigur possibbli,” qalet l-Enemalta.

L-Enemalta se tkompli tipprovdi aġġornamenti hekk kif javvanzaw ix-xogħlijiet ta’ tiswija.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport