Min jieħu ħsieb lil min jieħu ħsieb?

- Jikteb Andre Buhagiar

Aqra wkoll

Hemm min kuljum iqum u l-ewwel ħaġa li jaħseb fiha mhuwiex hu imma jaħseb f’min għandu bżonnu. Hemm min jagħti mill-ħin tiegħu, mill-enerġija tiegħu u kultant anke mill-ħolm tiegħu imma ftit drabi nieqfu u nistaqsu: min qed jieħu ħsiebu?

Din hija mistoqsija li ilha ddur f’moħħi għax meta nitkellmu dwar il-kura, ħafna drabi nitkellmu dwar il-persuna li għandha bżonn l-għajnuna u bir-raġun. Wara dik il-persuna jkun hemm omm, missier, iben, bint, raġel jew mara li kuljum qed jagħtu parti minnhom infushom biex xi ħadd ieħor ikun jista’ jgħix b’aktar dinjità.

Dawn huma l-carers u ħafna minnhom ma jarawx lilhom infushom bħala xi ħadd li qed jagħmel xi ħaġa straordinarja. Għalihom, qed jagħmlu dak li suppost jagħmlu. Dan ma jfissirx li huwa faċli. Kultant ifisser lejl bla rqad, ifisser li tnaqqas mix-xogħol,  ifisser li tħalli xi ħaġa personali warajk u kultant ifisser li tkun għajjien, imma tibqa’ għaddej għax taf li hemm persuna li tiddependi minnek. Hawnhekk irridu nagħmlu l-mistoqsija: Min jieħu ħsieb lil min jieħu  ħsieb?

Għalija, din mhijiex biss kwistjoni soċjali. Hija wkoll kwistjoni ta’ kif irridu nibnu s-soċjetà tagħna u rridu nkunu ġusti wkoll. F’Malta saru passi importanti biex jingħata aktar appoġġ lill-anzjani u lill-familji tagħhom. Għandna servizzi ta’ Respite fid-dar u Respite residenzjali, skemi bħall-Carer at Home u għajnuniet finanzjarji għal carers.

Dawn huma inizjattivi li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ familji reali imma jien nemmen li qatt m’għandna nieqfu hawn għax wara kull skema hemm persuna u rridu nistaqsu jekk dik il-persuna tafx biha, jekk tistax taċċessaha u jekk l-għajnuna tasalx eżatt meta jkollha bżonnha. Il-familja għandha tibqa’ ċ-ċentru tal-kura. Ma nistgħux ngħidu lill-familji “ħudu ħsieb tagħkom” u mbagħad inħalluhom iġorru kollox waħedhom.

Il-caregiver għandu wkoll bżonn min jisma’ lilu; għandu bżonn il-mistrieħ, għandu bżonn l-appoġġ, għandu bżonn ħin għalih innifsu, għandu bżonn jibqa’ persuna, mhux biss “il-persuna li tieħu ħsieb lil xi ħadd”.

Hawnhekk nemmen li l-politika għandha tkun aktar umana. Mhux biss tgħodd kemm għandna servizzi. Għandha tħares lejn kif dawk is-servizzi qed ibiddlu l-ħajja tan-nies. Għandna nkomplu ninvestu, nkomplu ntejbu u nkomplu nisimgħu lill-familji u lill-carers infushom.

 Kultant l-aktar persuna li għandha bżonn l-għajnuna hija dik li qatt ma titlobha. Hija dik li tgħid “jien sew” meta mhijiex. Hija dik li tibqa’ għaddejja għax taf li m’għandhiex għażla u għalhekk, meta nitkellmu dwar familja, kura u solidarjetà, irridu niftakru wkoll f’dik il-persuna.

Il-valur ta’ soċjetà ma jitkejjilx biss minn kemm tieħu ħsieb lil min għandu bżonn il-kura. Jitkejjel ukoll minn kemm tieħu ħsieb lil min qed jagħtiha. Il-familja għandha tkun il-qalb tal-kura imma l-Istat u s-soċjetà għandhom ikunu l-ispalla tagħha għax ħadd m’għandu jkun obbligat ikun b’saħħtu għal dejjem.

 Forsi, fl-aħħar mill-aħħar, it-tweġiba għall-mistoqsija “Min jieħu ħsieb lil min jieħu ħsieb?” għandha tkun waħda sempliċi: Aħna, bħala familja, bħala komunità, bħala soċjetà u permezz ta’ politika li ma tħallix lil min jagħti kollox iħossu li qed jagħmel dan waħdu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport