Saturday, May 23, 2026

Minn żona skedata għal bini, għal Ġnien Dun Nicholas Cachia fis-Siġġiewi

Aqra wkoll

Inawgurat Ġnien Dun Nicholas Cachia fis-Siġġiewi mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli flimkien mal-membri tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u t-tim ta’ Project Green.

Żona ta’ madwar 1,000 metru kwadru li kienet intenzjonata għall-iżvilupp, issa ġiet trasformata fi spazju miftuħ li jfakkar il-memorja ta’ Dun Nicholas Cachia – qassis rispettat ħafna mis-Siġġiewi.

Matul l-inawgurazzjoni, il-Ministru Miriam Dalli qalet li Ġnien Dun Nicholas Cachia huwa fost 75 spazju miftuħa li nfetħu matul din il-leġislatura. “Għal darb’oħra qed ninawguraw spazju miftuħ li kien skedat għal bini, iżda li dan il-Gvern ħa d-deċiżjoni li minflok bini jingħata lura lill-komunità fi spazju miftuħ. Din hija l-wegħda li se nkomplu nwettqu; tlaqna bit-tir li aktar kommunitajiet igawdu minn spazji miftuħa li jinsabu 10 minuti ’l bogħod minn madwar 4,800 resident u joffri post fejn ir-residenti jistgħu jiġu u jqattgħu ftit ħin għal kwiet,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Project Manager David Ellul irrimarka kif “f’dan il-proġett ikkollaborajna bi sħiħ mal-Kunsill tas-Siġġiewi, u llum qed naraw spazju miftuħ minflok blokka appartamenti. Għal darb’oħra ħadna ħsieb li nimxu fuq l-elementi tas-sostenibbiltà hekk kif użajna ħamrija li sibna fis-sit stess. Rajna ukoll li ninkludu pjanti li mhux biss sbieħ fid-dehra imma jgħinu lid-dakkara. Saru wkoll CCTVs u bollards li jaħdmu bix-xemx.”

Dun Nicholas Cachia kien qassis mis-Siġġiewi li kien attiv ħafna fis-soċjetà Siġġiwija, fejn ħadem biex immodernizza l-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-Knisja ħalli l-messaġġ tal-Knisja jasal għand il-familji Maltin. Fl-2015, Dun Nicholas kompla l-ħidma pastorali tiegħu fi Florida fl-Amerka, fejn imbagħad fl-2021 ħalla din id-dinja.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-familja ta’ Dun Nicholas Cachia.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport