Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard inawgura simulator avvanzat għat-taħriġ tal-operaturi ta’ excavators u inġenji meqjusin bħala heavy machinery. Dan l-apparat se jkun qiegħed jinżamm fl-educational hub tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) bħala parti mill-isforzi kontinwi tal-Gvern biex ikompli jgħolli l-livell tal-istandards, is-sigurtà u l-professjonalità fis-settur tal-kostruzzjoni.
Is-simulator, Simpro3 Excavation Simulator minn Sanlab, huwa investiment teknoloġiku modern li se joffri taħriġ realistiku lill-operaturi ta’ excavators u heavy machinery permezz ta’ simulazzjoni ta’ xenarji reali ta’ xogħol fuq siti ta’ kostruzzjoni.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Jonathan Attard sostna li dan l-investiment huwa parti minn viżjoni usa’ biex is-settur tal-kostruzzjoni f’Malta jkompli jiġi modernizzat permezz tat-taħriġ, l-innovazzjoni u r-riformi strutturali. “Dan mhux biss investiment fit-teknoloġija, iżda investiment dirett fin-nies tagħna. Irridu settur tal-kostruzzjoni mibni fuq il-kompetenza, il-kwalità u s-sigurtà, u għalhekk qed inkomplu ninvestu fit-taħriġ u fl-edukazzjoni tal-ħaddiema tagħna,” sostna l-Ministru Attard.
Il-Ministru fakkar ukoll fir-riformi li wettaq il-Gvern fis-settur matul l-aħħar snin, fosthom l-introduzzjoni tal-liċenzjar tal-kuntratturi u tal-bennejja, sabiex ikomplu jissaħħu l-istandards u r-responsabbiltà fis-settur tal-kostruzzjoni.
“Bħala Gvern, se nibqgħu nibagħtu messaġġ ċar u bla ambigwità: fis-settur tal-kostruzzjoni m’hemmx lok għal shortcuts jew kompromessi fuq is-saħħa u s-sigurtà. Il-futur ta’ dan is-settur għandu jkun wieħed mibni fuq kwalità, dixxiplina, taħriġ, responsabbiltà u rispett sħiħ lejn il-ħajja tan-nies u l-komunitajiet tagħna,” temm jgħid il-Ministru Jonathan Attard.
Is-simulator, Simpro3 Excavation Simulator minn Sanlab jinkludi pjattaforma robotika b’kontrolli u komponenti oriġinali identiċi għal dawk użati fuq makkinarju reali. Is-sistema tippermetti taħriġ f’diversi xenarji differenti, inkluż xogħol matul il-jum u billejl kif ukoll taħt kundizzjonijiet differenti tat-temp. It-trainees jistgħu jitħarrġu f’oqsma bħal trenching, digging, hill driving, soil u rock loading, pneumatic hammer positioning u diversi funzjonijiet oħra relatati max-xogħol fuq siti ta’ kostruzzjoni.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-BCA l-Perit Roderick Bonnici spjega dwar il-ħidma kontinwa li għaddejja biex l-operaturi jkunu aġġornati dwar l-aħħar iżviluppi fis-settur. “Id-diskussjonijiet biex jinġieb f’pajjiżna dan is-simulator ilhom għaddejjin diversi xhur fejn ġew evalwati varji kumpaniji fl-industrija abbażi ta’ varji kriterji relatati mal-ħidma tal-operaturi tal-iskavar biex stajna nassiguraw li l-operaturi tagħna jkollhom l-aqwa apparat teknoloġiku biex inkomplu noffru taħriġ li verament jgħolli l-istandards fis-settur,” sostna l-Perit Bonnici.
Is-sid tal-kumpanija Sanlab Evren Emre spjega dwar id-diskussjonijiet kontinwi li wasslu għall-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Huwa sostna li b’dan l-apparat pajjiżna se jkun qiegħed joffri l-aħħar teknoloġija fejn mhux biss se jingħata taħriġ realistiku, imma saħansitra se jinkludi programmi ta’ taħriġ li jistgħu jindirizzaw sitwazzjonijiet varji fis-settur f’pajjiżna.
Għall-inawgurazzjoni kien hemm preżenti rappreżentanti ta’ Sanlab, fosthom is-sid tal-kumpanija Evren Emre u d-Direttur Ekin Felek, iċ-Chairman tal-bord tal-BCA l-Perit Simon Saliba flimkien ma’ rappreżentanti tas-settur tal-kostruzzjoni u stakeholders oħra.

