Saturday, December 28, 2024

Missier iċ-ċkejkna Selah jirringrazzja lill-Maltin għall-għajnuna li sabu

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Qabel is-seduta parlamentari tal-lejla, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia laqa’ fil-Parlament liċ-ċkejkna Selah Hajras ta’ tliet snin li waslet f’Malta minn Gaża sabiex tingħata l-kura meħtieġa wara li ndarbet f’attakk f’pajjiżha. Hija kienet akkumpanjata minn missierha Ashraf u l-Ambaxxatur tal-Palestina għal Malta Fadi Hanania.

Din iċ-ċkejkna ġarrbet ġrieħi gravi f’riġlejha meta d-dar tagħha f’Khan Younis, belt fin-nofsinhar ta’ Gaża, iġġarrfet wara li ntlaqtet minn missila li ħalliet lil ommha u lil ħuha mejta. Għal xi żmien, Selah kienet anke mitlufa, sakemm instabet minn missierha wara appell li kien għamel fuq il-midja soċjali.
Grazzi għall-kollaborazzjoni bejn il-Gvern Malti u l-Ambaxxata Palestinjana f’pajjiżna, Selah waslet f’pajjiżna lbieraħ fejn intlaqgħet mill-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia. F’kumment li għamel fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru saħaq li “lil Selah se nieħdu ħsiebha f’Malta minn qalbna”.

Sadanittant, missier Selah, Ashraf, f’kummenti ma’ talk.mt irringrazzja lil kulħadd għall-għajnuna li sabu f’pajjiżna u anke għall-merħba sabiħa li ngħataw. Huwa kompla billi appella sabiex niftakru fil-Palestina u wera t-tama li dan ikun pajjiż ħieles.

Min-naħa tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia tenna li l-wasla ta’ Selah f’Malta u l-kura li qed tingħata mhi xejn għajr imħabba u rispett lejn il-ħajja tal-bniedem mill-poplu Malti.

“Sfortunatament, din it-tifla ċkejkna u innoċenti spiċċat tilfet lil ommha u ’l ħuha li sfaw maqtula f’Gaża.”

Huwa saħaq li ma jistax jifhem kif biex pajjiż jiddefendi l-integrità territorjali jispiċċa jagħmel ħerba u jweġġa’ serjament nies innoċenti inklużi tfal u lill-morda.

L-Ispeaker temm jgħid li filwaqt li llum nifirħu b’Selah li tinsab magħna u li dan huwa verament miraklu, għandna nkomplu ninsistu li d-djalogu għandu jibqa’ l-aqwa arma biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt li għaddej bħalissa fil-Lvant Nofsani. L-armi u l-forza ma huma qatt is-soluzzjoni.

Fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri kien mistoqsi mill-Whip tal-Gvern Naomi Cachia dwar il-ħidma li saret mill-Gvern sabiex Selah setgħet tinġieb f’pajjiżna.

Il-Ministru Camilleri beda biex qal li kienet deċiżjoni tajba ta’ pajjiżna li kkordina sabiex biex din it-tifla tinġieb Malta sabiex tingħata l-kura. “Kienet talba li għamel l-Ambaxxatur tal-Palestina f’pajjiżna lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Imbagħad b’ħidma flimkien ma’ diversi Ministeri ħdimna biex fi ftit jiem din it-tifla tinġieb f’pajjiżna.”

“Konna infurmati li diġà għamlet operazzjoni f’riġlejha u kiem hemm bżonn tiġi Malta. Ħadna ħsieb li jinħarġu visas u permessi neċessarji sabiex tkun tista’ tidħol pajjiżna ma’ missierha. Min-naħa tal-Ministeru tas-Saħħa ħadu ħsieb li t-tifla tingħata trattament f’Mater Dei,” qal il-Ministru Camilleri.

Huwa tenna li dan kollu għandu għalxiex jagħmilna kburin bħala pajjiż, illi kif għamilna f’dan il-każ u anke f’oħrajn inkluż mal-poplu Ukren, Malta qiegħda tkompli tagħti l-għajnuna umanitarja lil min jeħtieġha.

Ekonomija

Sport